Saturday, December 28, 2024

Is-suldati se jingħataw kundizzjonijiet aħjar

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Gvern u l-GWU jaqblu dwar ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Forzi Armati; ftehim ġdid ukoll għal dawk tal-Protezzjoni Ċivili 

Il-Gvern se jkun qiegħed jinvesti miljuni ta’ ewro kull sena biex itejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tal-Forzi Armati ta’ Malta. 

Kien il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri li fil-Parlament żvela li ntlaħaq qbil mal-General Workers Union dwar ftehim ġdid għal dawn il-ħaddiema. 

Huwa kien qed jitkellem fis-seduta li fiha ġew diskussi l-estimi tal-Budget 2021 għall-ministeru li jmexxi.

Camilleri stqarr li s-suldati ilhom snin twal jitolbu li jkollhom il-kundizzjonijiet mtejba u nsista li anke jekk ninsabu f’nofs pandemija l-Gvern baqa’ determinat li dawn il-kundizzjonijiet jtejjibhom. 

Fid-diskors tiegħu huwa indika li l-ftehim il-ġdid se jkun iffirmat fil-jiem li ġejjin u hekk jingħataw ukoll id-dettalji dwaru li kienu maqbula mal-unjin. 

“Kull darba li fl-aħħar 10 xhur tkellimt dwar kemm is-suldati tagħna jaħdmu għal pajjiżna rċivejt kummenti, daqqa wieħed u daqqa ħafna iktar, ta’ persuni li jgħiduli ‘veru naħdmu imma l-pajjiż meta se jirrikonoxxina’. U nifhimhom għax kont naf li l-kundizzjonijiet tagħhom ilhom staġnati fl-iktar livelli baxxi għal ħafna snin.  Kull darba weġibt billi wegħdthom li l-Gvern ma kienx se jinsihom”.

Camilleri żied li l-ftehim mas-suldati mhuwiex l-uniku ftehim li għalaq il-Gvern u semma kif se jkun iffirmat ieħor mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili waqt li għaddejjin id-diskussjonijiet biex jintlaħaq dak mal-ħaddiema tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi. 

“Ħa npoġġiha fi kliem sempliċi. Dan se jkun il-gvern li f’leġiżlatura waħda se jkun tejjeb bi ftehim kollettiv ġdid il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema kollha tal-forzi dixxiplinati”, qal il-Ministru Camilleri.  

Alex Muscat: lest noħorġu ismijiet ta’ min inneħħulu ċ-ċittadinanza

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċttadinanza u l-Komunitajiet ħabbar waqt l-istess seduta li huwa lest li jawtorizza l-pubblikazzjoni ta’ ismijiet ta’ barranin li titneħħilhom iċ-ċittadinanza Maltija.

Muscat qal li mal-Kummissjoni Ewropea preċedenti kien hemm qbil dwar l-Iskema ta’ Ċttadinanza b’Investiment (IIP) imma ma’ dik attwali Malta rat il-ftuħ ta’ proċeduri kontriha.

Huwa rrefera għall-pressjoni kbira li saritilha minn Maltin li ta’ kuljum ifesfsu fil-widnejn fi Brussel kontra Malta għax ma jaħmlux li b’dan il-programm qed jiġi l-investiment f’pajjiżna.

Muscat għamilha ċara li bħala stat sovran Malta ma kinitx se taċċetta li jiġi xi ħadd jiddettalna lil min nagħtu ċ-ċittadinanza u għamilha ċara li dan ma kienx ibbuljar imma prinċipju kardinali.

Kien hawn li huwa qal li taħt il-programm il-ġdid lest jippubblika l-isem ta’ min titneħħilu ċ-ċittadinaza waqt li nsista li l-figuri juru li mhux vera li kull min japplika jingħata ċ-ċittadinanza.

Fil-fatt Muscat semma kif bil-programm l-antik sal-aħħar ta’ Awwissu applikaw 2,076 persuna li minnhom ġew approvati 1,480. Dan ifisser li madwar 25% tal-applikazzjonijiet ġew rifjutati li tellgħu l-medja ta’ applikazzjonijiet rifjutati għal madwar 30%.

Muscat spjega kif fis-sitt snin li tnediet din l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment din iġġenerat €1.5 biljun fl-ekonomija lokali u din kienet ir-raġuni għala l-PN qatt ma qabel magħha.

Fenech Adami jerġa’ jgħid li l-Korp tal-Pulizja pupazz tal-kriminali

Fis-seduta intervjena l-kelliem ewlieni tal-Oppożizzjoni dwar l-intern, is-sigurtà nazzjonali u l-infurzar tal-liġi Beppe Fenech Adami li reġa’ nsista li l-Korp tal-Pulizija spiċċa pupazz tal-kriminali.

Huwa qal li l-Budget 2021 nesa lill-Pulizija u m’hemm ebda inizjattiva li twassal għal titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Fenech Adami reġa’ akkuża lill-Gvern li ħataf il-Korp u sostna li min ħoloq il-kriżi ma jistax joħorġu minnha waqt li akkużah li żera ż-żerriegħa biex tkissret il-fiduċja fil-pulizija.

Kien hawn li qal li l-Pulizija saret pupazz tal-kriminali u offriet kenn għall-kriminali u l-qattiela.

Fenech Adami sostna li l-budget nesa wkoll lis-suldati u saħaq li fl-armata hemm indħil politiku waqt li iddeskriviha monument tal-inġustizzja.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-budget nesa wkoll lill-gwardjani li ilhom tliet snin jistennew ftehim kollettiv.

Dwar il-Ħabs qal li ċertu mwiet setgħu ġew evitati, ilmenta li mhux aċċettabbli li jkun hemm diversi priġunieri f’ċella waħda u ikkritika dak li sejjaħ “mudell militari” ta’ kif qed jitmexxa fejn qal li hemm biża’ fil-ħabsin.

Fuq l-immigrazzjoni Fenech Adami qal li sirna pajjiż li ma tistax tafdah u rridu niksbu kredibilità madwar il-mejda biex jeħduna bis-serjetà.

Ekonomija

Sport