Wednesday, July 9, 2025

Is-Summer World Junior Cup tat-Trott f’pajjiżna għall-ewwel darba

Aqra wkoll

Għall-ewwel darba f’pajjiżna se ssir is-Summer World Junior Cup tat-Trott, li se tkun ospitata kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Din il-kompetizzjoni internazzjonali hija sponsorjata mill-Awtorità EquestriMalta, u fiha se tilqa’ sewwieqa tfal ta’ bejn il-11 u s-16-il sena.

Dettalji dwar dan l-avveniment sportiv ingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li għaliha attendew ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri.

Il-kampjonat internazzjonali se jara l-bidu tiegħu nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Lulju fil-korsa Ta’ Xħajma, ix-Xewkija, Għawdex bħala parti minn programm varjat ta’ tiġrijiet tas-sajf, imħejji mill-Ministeru għal Għawdex, taħt il-gwida tal-Malta Racing Club u bis-sostenn finanzjarju tal-Awtorità EquestriMalta. Il-programm ilu li beda mit-13 ta’ Ġunju u fih diġà nkitbu ftit inqas minn 200 żiemel minn Malta u Għawdex.

L-għażla tat-tfal Maltin li se jikkompetu għall-kampjonat internazzjonali saret mill-Akkademja tat-Trott tal-Malta Racing Club, bis-sostenn finanzjarju u amministrattiv tal-awtorità EquestriMalta. Akkademja li ilha għaddejja mill-bidu tas-sena u li qed tkun suċċess fost is-sewwieqa żgħar taż-żwiemel. It-tfal magħżula nqasmu f’erba’ gruppi ta’ tnejn biex jikkompetu bħala tim f’isem il-Malta Racing Club kemm fit-tappa ta’ Għawdex li hija l-ewwel waħda, u kif ukoll fit-tapep l-oħrajn li mistennija jsiru fl-Iżvezja, fil-Belġju u fi Franza.

Il-parteċipanti Maltin li se jirrappreżentaw lil Malta għal dan il-kampjonat fil-pajjiżi ospiti huma;

• Gianluca Debono u Xavier Borg (Malta)

• Mason Bilocca u Tiffany Zammit (Żvezja)

• Gianluca Gauci u Giuseppe Zammit (Belġju)

• Sven Caruana u Shazney Abela (Franza)

Preżenti għat-tnedija ta’ dan il-kampjonat kien hemm ukoll l-atleti Maltin, iċ-Chairman ta’ EquestriMalta Dr Dean Hili, iċ-Chairman tal-Malta Racing Club Anthony Mifsud, id-Deputat Chairman tal-Malta Racing Club Tony Demanuele, flimkien ma’ uffiċjali oħra mill-Malta Racing Club u EquestriMalta.

“Finali ta’ kampjonat ieħor internazzjonali li qed isir f’pajjiżna, frott is-suċċess ta’ żewġ pilastri importanti għall-ekonomija tagħna, l-edukazzjoni u l-isport”, qal il-Ministru Clifton Grima. “L-investiment li qed nagħmlu kemm fiż-żgħażagħ sportivi tagħna kif ukoll fil-faċilitajiet sportivi, qed ikomplu jattiraw mhux biss kompetizzjonijiet internazzjonali, imma wkoll turiżmu sportiv. Ħajr ukoll lill-Akkademja tat-Trott li qed tagħti r-riżultati, kif qed naraw bil-parteċipazzjoni tal-isportivi żgħażagħ tagħna f’dan il-kampjonat”, qal il-Ministru Grima.

Il-Ministru Clint Camilleri qal, “Din mhix biss okkażjoni importanti għall-isport tat-trott iżda wkoll għal Għawdex inġenerali, b’mod speċjali fejn jidħlu ż-żgħażagħ Għawdxin u f’dak li għandu x’jaqsam turiżmu sportiv. Huwa ta’ sodisfazzjon għalina li Malta se tkun qed tintgħażel bħala waħda mill-pajjiżi ospitanti, u iżjed minn hekk li Għawdex qed jilqa’ l-ewwel tappa”.

Huwa spjega kif il-Ministeru ħadem bla heda biex il-korsa ta’ Ta’ Xħajma tkun mħejjija bl-aqwa faċilitajiet, sabiex tkun tista’ tospita mhux biss dan il-kampjonat iżda oħrajn fil-futur. Il-Ministru Camilleri temm jgħid li din l-inizjattiva mhux biss toffri spettaklu sportiv uniku, iżda tikkontribwixxi wkoll biex jattiraw turiżmu intern kif ukoll barrani, u jkomplu jsaħħu l-ekonomija lokali.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ EquestriMalta, Max Zammit qal, “L-investiment fit-tfal tagħna huwa investiment fl-isport innifsu u flimkien mal-Malta Racing Club, se nkunu qed nibnu fuq dak li ħejjejna fl-akkademja li rriżultat għat-tieni sena konsekuttiva f’suċċess. Ninsabu sodisfatti ħafna wkoll bil-kollaborazzjoni li għamilna din id-darba mal-Ministeru u l-korsa t’Għawdex, fejn filwaqt li qed noffru opportunitajiet bi prodott sportiv dejjem aħjar lis-sidien Għawdxin u dawk Maltin, qed naħdmu fuq numru ta’ kollaborazzjonijiet interessanti oħra għall-isportivi Maltin u l-gżira Għawdxija.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport