Sunday, November 24, 2024

Is-suq komuni Ewropew mhux qed jaħdem b’mod ġust f’pajjiżna

Aqra wkoll

Għal xahar ieħor erġajna rajna kif l-inflazzjoni f’għadd ta’ pajjiżi baqgħet waħda għolja. Kien hemm oħrajn li xhur ilu kellhom rata ta’ inflazzjoni għolja ħafna imma lllum naqset drastikament. Jekk nieħdu is-sitwazzjoni ta’ pajjiżna naraw li r-rata ta’ inflazzjoni għax-xahar ta’ Settembru kienet ta’ 4.8 fil-mija. Rata li naqset sew minn ammont ta’ xhur ilu. Ir-rata ta’ pajjiżna hi 0.5 fil-mija aktar mill-medja Ewropea. Għadd ta’ pajjiżi Ewropej għandhom rata ta’ inflazzjoni incas sew minn ta’ pajjiżna fosthom il-Belġju, il-Ġermanja, l-Estonja, Spanja, il-Greċja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu u l-Finlandja.

Biss minkejja it-tnaqqis fir-rata ta’ inflazzjoni, il-poplu tagħna xorta waħda għadu qiegħed jiffaċċja żieda fil-prezzijiet b’mod kontinwu. Żieda fil-prezzijiet li qiegħda tnaqqar dejjem aktar is-saħħa finanzjarja tagħhom. Żieda fil-prezzijiet li qiegħda tikkawża inċertezza fost dawn in-nies. Ma’ dawn irridu nirrimarkaw li għadna mhux nesperjenzaw dak li qed iseħħ f’pajjiżi, fejn il-prezzijiet qed jirritornaw għal dak li kienu qabel il-gwerra fl-Ukrajna.

M’hemm ebda dubju li dak li qegħdin jesperjenzaw il-konsumaturi Maltin f’dawk li huma prezzijiet iqajjem għadd ta’ mistoqsijiet. Fost dan għandek il-mistoqsija ta’ jekk is-suq komuni Ewropew hux qiegħed jaħdem b’mod ġust f’pajjiżna. Teżisti kompetizzjoni f’pajjiżna? Qegħdin nistaqsu dan għax waqt li fil-ħwienet qegħdin nibqgħu naraw prezzijiet jiżdiedu u mhu naraw ebda roħs jew tnaqqis fil-prezzijiet, il-ħwienet iż-żgħar qegħdin jippontaw is-swaba lejn xi importaturi u lejn xi distributuri għaż-żidiet fil-prezzijiet. Il-ħwienet iż-żgħar, illum huma imxebbgħin li sezzjonijiet sħaħ ta’ konsumaturi qed jitfgħu it-tort fuqhom għaż-żieda fil-prezzijiet, u dan meta iż-żieda fil-prezzijiet mhix ġejja minnhom.

Se nibqgħu b’sitwazzjoni fejn allegatament ikollna min jibqa’ b’mod jew ieħor jikkontrolla is-suq? Se jibqa’ jkollna min allegatament jerżerċita saħħa li għandu fis-suq, biex negozji żgħar ma jkunux jistgħu jidħlu f’dak li hu kummerċ parallel, jiġifieri jġibu prodotti huma stess minn pajjiżi oħra Ewropej bi prezz irħas minn dak li jkunu qed jinbiegħu bih f’Malta? Se nibqgħu b’allegata sitwazzjoni fejn negozji żgħar iħossuhom intimidati minn xi wħud li jekk jidħlu f’kummerċ parallel u għalhekk iġibu prodotti bi prezz irħas minn barra, huma ikunu ibbojkottjati.

Nemmnu li ma jistax ikun li l-konsumaturi jibqgħu jerfgħu l-piżijiet ta’ prezzijiet li qegħdin jogħlew u li minħabba fihom huma dawk l-aktar vulnerabbli li qegħdin ibatu. Dan għax dawn jinvolvu prodotti tal-ikel li jinxtraw ta’ kuljum u li wieħed tista’ tgħid ma jgħaddix mingħajrhom.
F’dan pajjiżna irridu naraw jekk il-prinċipju tas-suq intern, li jfisser aktar kompetizzjoni, hux jiġi rispettat. Jekk hemm monopolji, hemm bżonn żgur li xi ħadd jieħu azzjoni. Is-suq wieħed Ewropew l-għan tiegħu hu dak li b’mod ġust jaħdem favur iċ-ċittadini u favur in-nies. Dan billi jkun hemm prezzijiet kompetittivi. F’Malta dan qiegħed iseħħ? Jekk nieħdu l-qasam tal-ikel, fejn fl-aħħar xhur rajna l-prezzijiet jiżdiedu b’mod qawwi, is-suq intern qiegħed jaħdem? Il-poplu f’dan il-qasam qiegħed igawdi l-benefiċċji tas-suq wieħed?

Nemmnu li biex dan ikun stabbiliti hemm bżonn stħarriġ tas-sitwazzjoni f’pajjiżna. Illum hu fatt magħruf u stabbilit li kien hawn kumpaniji li ħadu l-okkażjoni mill-gwerra fl-Ukrajna biex iżidu l-profitti tagħhom. Kumpaniji u korporazzjonijiet barra barra pajjiżna ukoll ħadu l-okkażjoni.

Nemmnu li s-sitwazzjoni ma tistax titwal aktar. Is-suq wieħed tal-Unjoni Ewropea ifisser li l-oġġetti u anke is-servizzi jistgħu jiċċaqilqu bla xkiel. Ifisser li kwalunkwe prodott li jinbiegħ legalment f’pajjiż wieħed tal-Unjoni Ewropea jista’ jinbiegħ fl-oħrajn kollha. Dan għandu benefiċċji kbar għaċ-ċittadini fosthom prezzijiet orħos. Dan mhux jasal għand il-poplu tagħna. Fin-nuqqas ta’ dan, nemmnu li għandu jkun hemm interventi biex ikun żgura li s-suq intern jaħdem.

Sport