Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar għamel żjara ta’ korteżija lill-President ta’ Malta George Vella f’dak li hu l-aħħar impenn tiegħu qabel jirtira minn Kap tas-Servizz Pubbliku nhar it-Tlieta li ġej. F’din il-laqgħa, is-Sur Cutajar radd ħajr tal-kollaborazzjoni pożittiva li dejjem sab mill-Presidenza u introduċa wkoll lis-suċċessur tiegħu, is-Sur Tony Sultana, li se jidħol fil-kariga mill-1 ta’ Ġunju.
Dan kien l-aħħar appuntament mal-President tas-Sur Mario Cutajar, li bħala Segretarju tal-Kabinett serva wkoll bħala Kanċillier tax-Xirka Ġieħ ir-Repubblika u tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu, li tagħhom il-President George Vella hu l-Kap.
Fl-aħħar ta’ dan ix-xahar, is-Sur Cutajar, 63 sena, ikun qed jagħlaq 47 sena karriera bħala uffiċjal pubbliku li matulhom ħadem f’għadd ta’ dipartimenti, ministeri, u entitajiet. Hu laħaq l-ogħla ħatra fis-settur pubbliku fl-2013.
Matul iż-żmien li dam Kap tas-Servizz Pubbliku u Segretarju tal-Kabinett, is-Sur Cutajar kien responsabbli mit-tiġdid tas-Servizz Pubbliku li fost l-oħrajn wassal biex is-servizzi governattivi kollha saru aċċessibbli l-ħin kollu minn kullimkien permezz tat-twaqqif ta’ servizz.gov. Waqqaf il-People & Standards Division biex l-uffiċjal pubbliku ma jibqax jitqies biss bħala riżorsa, kif ukoll l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi biex jixpruna riċerka u taħriġ skont il-bżonnijiet tas-Servizz Pubbliku. Is-Sur Cutajar daħħal ukoll strutturi permanenti ta’ ppjanar u twettiq, u li fost l-oħrajn f’dawn l-aħħar 9 snin implimentaw 1,250 miżura ta’ tnaqqis ta’ burokrazija żejda fost oħrajn.
Is-Servizz Pubbliku se jkompli jibni fuq din il-ħidma permezz tal-istrateġija ħolistika ta’ 5 snin ‘Lejn Servizz ta’ Eċċellenza’, li tnediet f’Novembru 2021 u li bdiet titwettaq minn din is-sena.