Il-Bord tad-Diretturi tal-Bank Malti għall-Iżvilupp iħabbar il-ħatra tas-Sur Paul V. Azzopardi bħala Kap Eżekuttiv ġdid tal-Bank. Is-Sur Azzopardi jieħu post is-Sur Rene Saliba hekk kif dan irtira.
Is-Sur Azzopardi ilu involut mal-Bank sa mit-twaqqif tiegħu u kien parti minn Grupp ta’ Ħidma li fl-2016 kien ingħata l-mandat biex jipprepara r-rakkomandazzjonijiet għat-twaqqif tal-MDB u l-qafas leġislattiv u operattiv rilevanti. Fil-bidu tal-2020, huwa ingħaqad mal-MDB bħala l-ewwel Deputat Kap Eżekuttiv.
Paul V. Azzopardi tħarreġ u ħadem bħala Certified Public Accountant u kiseb MBA first class standing mill-Università ta’ British Columbia f’Vancouver, il-Kanada, fejn speċjalizza fil-finanzi u l-investiment. Huwa Membru tal-Malta Institute of Accountants.
Matul il-karriera tiegħu, Paul ħadem mal-Malta Development Corporation, kif ukoll bħala konsulent finanzjarju, stockbroker u portfolio manager ta’ kontijiet ta’ klijenti privati u fondi ta’ investiment f’Malta u fil-Kanada. Għal numru ta’ snin kien ukoll lettur fl-Università ta’ Malta u fl-iSchool of Continuing Studies fl-Università ta’ Toronto. Bejn l-2016 u 2020, huwa kien Direttur fuq il-Bord tal-Bank of Valletta plc, BOV Asset Management Ltd.,u BOV Funds Services Ltd., fejn mexxa wkoll numru ta’ kumitati.
Paul ippubblika numru ta’ kotba akkademiċi fil-qasam tal-finanzi u l-investimenti, kif ukoll rumanz.
Il-Bord tad-Diretturi huwa kunfidenti li l-esperjenza vasta tas-Sur Azzopardi se tgħin biex il-Bank jibni fuq il-legat b’saħħtu tal-predeċessur tiegħu biex l-MDB ikompli jilgħab rwol dejjem akbar fl-appoġġ li jagħti lill-ekonomija Maltija.
Il-Bord iwassal ukoll l-apprezzament tiegħu għal Kap Eżekuttiv is-Sur Rene Saliba fit-tmiem il-kariga tiegħu għal ħidma sfiqa u d-direzzjoni mogħtija sa mit-twaqqif tal-Bank, fejn kien strumentali biex din l-istituzzjoni tissaħħaħ f’waħda rispettata f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna.