Is-Surmast Archibald Mizzi, magħruf l-aktar għall-marċ popolari “The King”, kien mogħti Ġieħ ir-Repubblika għas-servizz li ta lill-pajjiż fil-qasam mużikali.
Maestro Archibald Mizzi twieled f`Ħal Qormi fl-1952. Huwa magħruf sew fix-xena mużikali kemm dik klassika kif ukoll fil-baned lokali.
Mro Mizzi beda t-tagħlim tiegħu fuq il-klarinett fil-każin tal-Banda San Ġorg Martri, fejn imbagħad kompla l-istudji tiegħu bil-pjanu għand Mrs Bice Bisazza.
Fl-1970, Archibald Mizzi beda jistudja l-fagott taħt it-tmexxija ta’ Mro Joseph Sammut, fejn fl-1975 kompla bl-istudji tiegħu
fuq il-fagott ġewwa Turin taħt it-tmexxija tal-Professur Giuseppe Della Valle.
Lura Malta, Archibald Mizzi kien maħtur bħala l-prim fagottist tal-Orkestra tat-Teatru Manoel, fejn baqa’ jokkupa dik il-kariga għal 40 sena sakemm irtira.
Il-marċ ‘The King’ jibqa’ l-iktar marċ popolari ta’ Mro Mizzi, proprju għaliex poġġa isem Malta internazzjonalment. ‘The King’ ġie magħżul bħala t-tema prinċipali tal-film Taljan “Dopo Mezzanotte” u s-serje televiżiva tant popolari Taljana “Ispettore Montalbano.”
Mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, Mro Mizzi ngħata l-unur li jdoqq għall-ewwel darba l-kunċert tal-fagott “Concerto Barocco” tas-surmast mibki Maestro Joseph Vella.
Archibald Mizzi kien ukoll mitlub idoqq mal-Orkestra Filarmonika ta’ Firenze fl-opra Don Giovanni. Hu kellu l-unur li jdoqq ma’ bosta surmastrijiet, kemm Maltin u kemm barranin, fosthom Mro Michael Laus, Mro Brian Schembri, Mro Wayne Marshall, Mro Peter Stark, Mro Charles Camilleri u Mro Olivier Monroe