Tard ilbieraħ filgħaxija ġie estradit lejn Malta Samir Almiri, Libjan ta’ 38 sena suspettat li allegatament kien involut fil-qtil ta’ Victor McKeon li seħħ f’Santa Luċija f’Marzu li għadda. Almiri nġieb mgħasses minn pulizija mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u tal-iSpecial Intervention Unit (SIU), permezz ta’ titjira mill-ajruport ta’ Casablanca, fil-Marokk.
McKeon ta’ 62 sena, instab maqtul f’appartament f’Misraħ Dorell f’Santa Lucija fis-17 ta’ Marzu, 2020. Il-kadavru tiegħu nstab fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni, imgeżwer f’boroż suwed u mdawwar bit-tape mitluq għal tulu fl-art fil-kamra tal-banju. Il-pulizija kienu ġew infurmati dakinhar wara suspett li s-Sur McKeon seta’ ġralu xi ħaġa peress li kien ilu ma jidher madwar ġimgħa. Mill-awtopsja li saret irriżulta li fuq il-kadavru instabu daqqiet fuq rasu, waqt li kien hemm ukoll soffokazzjoni.
Investigazzjonijiet intensivi dwar dan id-delitt wasslu biex sar magħruf li s-suspettat f’dan l-omiċidju ħarab lejn il-Marokk qabel il-kadavru tas-Sur McKeon instab. Sitt ijiem wara, is-suspettat ġie arrestat f’Casablanca wara li nħareġ Mandat ta’ Arrest Internazzjonali permezz tal-uffiċċju tal-Interpol ta’ Malta