Sunday, December 22, 2024

Is-suspettat tal-qtil f’Għawdex jingħata l-libertà proviżorja 

… wara tliet snin miżmum taħt arrest preventiv

Aqra wkoll

Serb li jinsab mixli li qatel Eġizzjan f’Għawdex lura fl-2018 ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li qatta’ aktar minn tliet snin miżmum taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Huwa bħalissa qiegħed jistenna li jgħaddi ġuri b’rabta ma’ dan il-każ.

Aleskandr Stojanovic ta’ 45 sena qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi li qatel lil Walid Salah Abdel Motaleb Mohammed f’għalqa fl-Għarb nhar it-22 ta’ Jannar, 2018. Il-vittma nstab mixħut mal-art u kien qala’ żewġ tiri ta’ arma tan-nar. L-arma li ntużat fid-delitt baqgħet ma nstabitx. 

Il-Prosekuzzjoni temmen li l-akkużat kien mal-vittma sigħat qabel seħħ id-delitt. Il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Stojanovic kienet intemmet u nħarġet l-Att tal-Akkuża f’Novembru tal-2022. Id-Difiża kienet għamlet diversi talbiet għall-ħelsien mill-arrest, li kienu kollha miċħuda minħabba n-nuqqas ta’ affidabilità tal-akkużat.

Madankollu, din il-ġimgħa, il-Qorti laqgħet it-talba wara li kkunsidrat l-istadju tal-proċeduri u ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ. Stojanovic ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €20,000 u garanzija personali. Huwa kien ordnat biex jiffirma l-għassa kuljum, ma jsifirx u jkun f’daru fil-ħin ta’ bejn id-9.00 p.m. u s-7.00 a.m.

L-Avukati Franco Debono, José Herrera u Adreana Zammit dehru għall-akkużat.

Ekonomija

Sport