Friday, November 22, 2024

IS-SUSSIDJU TAL-ENERĠIJA KRUĊJALI GĦALL-KONSUMATUR

Aqra wkoll

Il-konsum huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija. Jekk jonqos il-konsum, ibatu n-negozji u jista’ jkollu effett negattiv fuq l-impjiegi. Għalhekk huwa imperattiv li pajjiżna jara li ma jkunx hemm inflazzjoni artifiċjali li twassal biex jonqos il-konsum għaliex il-familji ma jsibux flus biżżejjed biex jixtru l-affarijiet li jkollhom bżonn fil-ħajja ta’ kuljum. 

Filwaqt li naqblu li n-negozji għandu jkollhom qligħ adegwat b’danakollu ma nistgħux naċċettaw li l-prezzijiet tal-oġġetti, l-aktar dawk essenzjali, jogħlew bl-addoċċ u mingħajr skruplu. Konxja tal-importanza li l-konsum għandu għall-ekonomija tal-pajjiż, il-General Workers’ Union fost l-għadd ta’ proposti li għamlet lill-Gvern għall-Budget 2024 li se jitħabbar fi ftit ġranet oħra, tisħaq li għandu jkun hemm fondi sabiex jinħolqu siti fuq l-internet li jikkomparaw il-prezzijiet tal-prodotti. 

Dan fil-kuntest illi l-prezzijiet ma jistgħux jiġu kkontrollati f’ekonomija tas-suq ħieles. Nemmnu xorta waħda iżda li jkun żball jekk inħallu s-suq isuq għaliex wisq nibżgħu illi dan joħloq ġungla fil-prezzijiet li biha l-aktar li jbatu jkunu l-familji bi dħul baxx u persuni vulnerabbli. 

Għalhekk nemmnu li kienet għaqlija wkoll id-deċiżjoni tal-Gvern li jibqa’ jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija mhux biss biex dawn jibqgħu stabbli imma wkoll biex ma jkunux mezz ieħor li jgħollu l-prezzijiet. Fil-fatt, is-sussidju fuq l-enerġija se jibqa’ l-aktar miżura importanti fil-budget biex kif qal il-Prim Ministru Robert Abela tkun assigurata stabbilità fil-prezzijiet kollha tal-enerġija. 

Ir-realtà turi li konsistentement bħala pajjiż qed ikunu investiti mijiet ta’ miljuni ta’ ewro biex din id-deċiżjoni tinżamm fis-seħħ. Ma hemmx dubju li dan is-sussidju huwa l-aktar miżura b’saħħitha kontra l-inflazzjoni. Miżura li għandha tkompli sserraħ l-imħuħ tal-familji Maltin u Għawdxin u anke tan-negozji għaliex jekk jogħlew il-prezzijiet tal-enerġija ma jistax jonqos li jogħlew il-prodotti l-oħra kollha.

Nemmnu li fil-budget għas-sena d-dieħla, se jkun hemm prova oħra ta’ kemm il-politika tal-Gvern hija waħda li se tibqa’ tkun viċin in-nies u għan-nies. 

Sport