Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn is-snooker?
Kont dejjem niġri ma’ missieri, Alex, fil-każini narah jilgħab kif ukoll kont insiefer miegħu narah jilgħab barra minn xtutna. Ta’ tliet snin ommi u missieri kienu xtrawli mejda żgħira komuni u ta’ tifel li kont, kont noqgħod nilgħab fuqha. Meta kbirt imbagħad komplejt niżvilluppa l-ħiliet tiegħi ġewwa l-Każin Laburista fil-Mellieħa.
Kif irnexxielek tiżviluppa l-ħiliet tiegħek f’dan l-isport illi tant tħobb?
Missieri kien jiġi jgħini u jurini x’għandi nagħmel. Kont nipprova nqassam il-ħin bejn l-iskola u l-isnooker. Ta’ 13/14-il sena bdejt nieħu l-logħba aktar bis-serjetá u bdejt niddedika aktar ħin għaliha fejn kont nittrenja madwar tliet sigħat fost il-ġimgħa u fil-weekends kont nipprova nżid aktar ħin għat-taħriġ.
Fl-2015 ħadt sehem l-ewwel darba fil-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-21 sena li kienu saru f’Malta u minn hemm komplejt niżviluppa l-ħiliet tiegħi b’esperjenzi oħra simili anke barra minn xtutna. Fl-2018, grazzi għall-Ministru Clifton Grima, SportMalta u l-Kap Eżekuttiv tagħha Mark Cutajar, il-president tal-MBSA – dak iż-żmien – il-mibki Frans Bugeja u nies oħra, infetħet l-Akkademja ‘state of the art’ mgħammra bir-riżorsi kollha professjonali, stajt inkompli niżviluppa l-ħiliet tiegħi billi nittrenja hemm u mal-aqwa plejers lokali.
Hemm xi logħba li tiftakar aktar minn oħrajn li lgħabt fiha u rbaħt?
Logħba li nibqa’ niftakarha u nġorrha miegħi hija meta f’Ottubru li għadda lgħabt fil-Kampjonat Ewropew tat-Timijiet ġewwa l-Portugall flimkien ma’ missieri, fejn lgħabna kontra l-Ġermanja u rbaħna bl-iskor ta’ 3-1. Flimkien, ktibna l-istorja fejn konna l-ewwel missier u iben f’dan il-Kampjonat li qatt lagħbu flimkien. Mument indeskrivibbli u emozzjonanti! Avveniment ieħor li nibqa’ niftakar hu meta fl-istaġun li għadda ħadt l-unur tal-‘highest break’ fejn għamilt break ta’ 139 punt – l-ogħla break li għamilt s’issa personali.
Kif rajt il-logħba tas-snooker tinbidel matul l-aħħar snin għalkemm għadek ta’ età relattivament żgħira?
Bħala logħba nħoss illi nbidlet ħafna fuq livell lokali speċjalment minn mindu nfetħet l-akkademja ġewwa l-Hamrun. Il-livell huwa għoli ħafna fejn għadna kif rajna lil Brian Cini jasal sas-Semi-Finali fil-Kampjonat Ewropew u sal-Finali tad-Dinja f’inqas minn sena kif ukoll lil Aaron Busuttil u Chris Peplow li waslu sal-Finali fil-Kampjonat Ewropew tat-Timijiet. Apparti minn hekk, grazzi għal SportMalta flimkien mal-MBSA, qed jiġu organizzati klassijiet tal-kowċing għat-tfal fejn flimkien miegħi hemm Philip Ciantar u bħala kowċis nippruvaw ngħinuhom jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom. Bis-saħħa t’hekk ukoll qed isiru l-Kampjonati lokali tal-Juniors maqsumin f’erba’ kategoriji li kienu ilhom neqsin għal dawn l-aħħar snin. Permezz tal-akkademja professjonali li għandna, nemmen li hi ta’ għajnuna kbira għalina l-plejers.
X’inhi l-iktar ħaġa importanti li għandu jkollu player tas-snooker?
Bħal kull sport ieħor, id-dixxiplina hija l-aktar ħaġa importanti. Nemmen ukoll fir-rispett lejn l-avversarju u l-logħba kif ukoll dedikazzjoni. Rigward l-isnooker, trid tqatta’ ħafna ħin fuq il-mejda b’passjoni kbira.
Fil-fehma tiegħek, min hu l-plejer numru wieħed tas-snooker fid-dinja bħalissa?
Fil-mument, Judd Trump qed jokkupa l-ewwel post fir-rankings mondjali peró fil-fehma tiegħi Ronnie O’Sullivan huwa l-aqwa plejer bla ebda dubju.
X’inhuma l-pjanijiet tieghek ghall-futur f’dan l-isport li tant tħobb?
Li nipprova nitla’ mal-ewwel ħamsa fir-rankings lokali u nżomm posti hemmhekk kif ukoll li nkompli nikkompeti f’kompetizzjonijiet internazzjonali.
Nixtieqek tgħaddili l-aħħar messaġġ tiegħek lil dawk iż-żgħażagħ illi jixtiequ jaqbdu karriera fis-snooker.
Fil-fehma tiegħi, iż-żgħażagħ għandhom jaqbdu kwalunkwe sport għax l-isport jgħinek mentalment. Bis-saħħa wkoll tal-kowċing u l-akkademja professjonali li għandna, naħseb illi għandhom l-aqwa riżorsi biex jiżvilluppaw l-ħiliet tagħhom f’din il-logħba tant sabiħa.
Persważ ukoll li tixtieq tgħaddi xi ringrazzjamenti lil diversi persuni importnati fil-ħajja tiegħek…
Nixtieq nibda billi nirringrazzja lit-tfajla tiegħi Christienne tas-sapport kontinwu u l-paċenzja li tieħu bija fejn minkejja li għandna żewġt itfal – Clea-Mae u Cain Enea, tgħini ħafna biex inlaħħaq mal-ħin tal-familja, xogħol kif ukoll għat-taħriġ. Nirringrazzja wkoll lil ommi u lil missieri li minn dejjem kienu hemm għalija, tas-sapport u l-għajnuna kontinwa tagħhom, lil Joe Debono mill-Każin tal-Partit Laburista tal-Mellieħa fejn meta kont iżgħar kien iħallini nittrenja b’xejn biex intejjeb il-kwalitajiet tiegħi u li sal-lum għadu jagħtini pariri siewja fuq il-logħba. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, nixtieq nirringrazzja lill-MBSA u SportMalta tas-sapport kontinwu tagħhom lejna l-plejers.