Monday, December 8, 2025

Isaac Leo Attard … atleta żagħżugħ emerġenti ta’ Athletix AC Gozo

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Isaac, l-ewwelnett, spjegajlna fuq fuq il-vjaġġ tiegħek fl-atletika, fejn wasalt, u l-ambizzjonijiet tiegħek.

L-isport dejjem kien parti integrali minn ħajti. Bdejt il-vjaġġ tiegħi permezz tat-trail running u l-obstacle course racing, u maż-żmien dan wassalni b’mod naturali għa “road” running. Hija dixxiplina li nħoss li għamilt progress sinjifikanti fiha f’dawn l-aħħar snin.

Nixtieq nirringrazzja lill-kowċ tiegħi, Ivan Rozhnov, li kellu rwol essenzjali f’dan il-vjaġġ. Inkun grat ukoll lejn ommi, Mary Grace Attard, u lejn is-sieħba tiegħi, Anu KC, talli dejjem appoġġjawni. Nixtieq nirringrazzja wkoll lil Ryan Farrugia, li miegħu bdejt il-vjaġġ tiegħi fir-running ftit snin ilu.

Fl-aħħar jiem, inti temmejt Nofs Maratona f’Lisbona, fil-Portugall, fost eluf ta’ atleti, fit-tielet post. X’fisser għalik bħala Malti, li tlajt fuq il-podju u kif ippreparajt għal din it-tellieqa?

Kienet esperjenza tassew mill-aqwa! Waħda mill-affarijiet li nħobb f’dan l-isport hija li jagħtik iċ-ċans — jew saħansitra l-iskuża perfetta — biex tivvjaġġa barra u tieħu sehem fi tlielaq f’pajjiżi differenti. Din id-darba kienet speċjali ħafna għalija għax irnexxieli nirrappreżenta lil Malta fuq il-podju.

Aktar kmieni din is-sena inti rrappreżentajt lil Għawdex fil-Logħob tal-Gżejjer, fejn fin-Nofs Maratona, kont parti mit-tim li rebaħ midalja tal-fidda storika għal din il-gżira. X’tgħidilna dwar dan?

Iva, dan żgur huwa wieħed mill-aktar esperjenzi li nżomm għeżież. Inħossni tassew onorat li rrapreżentajt lil Għawdex f’din il-kompetizzjoni. Il-livell tal-atletika kien wieħed straordinarjament għoli, u li niksbu dik il-midalja ma kienx kompitu faċli xejn. L-atmosfera kienet waħda li tinsa qatt, u saret saħansitra aktar speċjali għax qsamtha mal-kollegi Għawdxin tiegħi.

Matul is-sena, int ħadt sehem f’kompetizzjonijiet kemmxejn differenti, inkluż fid-dixxiplina tal-Mountain Running, fejn anke hemm kwalifikajt għal kompetizzjoni internazzjonali. X’kienu l-kisbiet tiegħek f’dawn it-tip ta’ avvenimenti? 

Kif semmejt qabel, bdejt il-vjaġġ tiegħi fir-running bit-trail running. Kont verament onorat li rrappreżentajt lil Malta f’sport li hu tassew qrib qalbi. It-trail running huwa differenti ħafna mir “road” running — kull tellieqa tħossaha unika, anke meta tkun fuq rotta li diġà tkun tafha. Teħtieġ firxa usa’ ta’ ħiliet, flimkien mas-saħħa u l-aġilità meħtieġa biex tlaħħaq ma’ “terrain” li dejjem jinbidel.

X’inhuma l-pjanijiet prinċipali tiegħek għall-ewwel xhur tal-2026?

Għall-2026, se nibqa’ naħdem mal-kowċ tiegħi, Ivan, fil-ħidma biex inkompli nsegwi l-għanijiet tiegħi kemm fir “road” running kif ukoll fit-trail running. Tnejn mill-kompetizzjonijiet li għandi ppjanati huma l-Maratona ta’ Barċellona f’Marzu u l-XTERRA Gozo 50K f’Mejju. Qed nistenna bil-ħerqa biex nipparteċipa f’dawn iż-żewġ avvenimenti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport