Tifel ta’ tliet snin kellu jiddaħħal b’urġenza l-Isptar wara li għall-ħabta tat-3:00 a.m sab ruħu f’diffikultà fl-inħawi tal-Aħrax tal-Mellieħa.
Skont investigazzjoni li saret irriżulta li t-tifel kien fiż-żona ta’ kampeġġ mal-familjari meta dawn ma setgħux isibuh.
Minnufih uffiċjali tal-Pulizija marru fuq il-post u sejħu għall-assistenza mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u anke tim mediku.
Fortunatament, it-tifel intlemaħ ftit tal-ħin biss wara li bdew it-tfittxijiet taħt l-irdum. Huwa ttella’ minnufih mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili u wara ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Aktar tard huwa kien iċċertifikat bi ġrieħi serji.
Il-Maġistrat tal-Għassa Giannella Camilleri Busuttil kienet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.