Sunday, June 1, 2025

Isawwat lil mara u t-tifla adottata biċ-ċintorin

Jordna biex ineħħu ħwejjiġhom... iħallihom f’nofs ta’ triq… deskritt bħala ‘tirana’

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Omm u bint adottata jiddeskrivu lill-missier bħala ‘tirann’. Jiddikjaraw b’mod ċar li kienu jitwerwru meta jisimgħu l-ħoss tal-karozza. Ħajjithom fid-dar kienet saret impossibbli. Moħqrija. Swat. Vjolenza domestika kemm fiżika u anke mentali Theddid. Kienet spiċċat issakkret f’kamra tas-sodda iżda hu daħal mit-tieqa u kellu x’jaqsam magħha sesswalment kontra l-volontà tagħha. Darba ġew mis-safar u ħallihom nofs triq. Preżenza fuq ix-xandir nazzjonali kellhom iħassruha għax inqalgħet kwistjoni u hu tefgħalhom barmil ilma. Id-dar u l-garaxxijiet li kellu imlihom imbarazz tant li kien ikun hemm intejjen u anke ġrieden u t-tifla spiċċat mardet bi Chronic Rhinitis. Ir-raġel jgħid li l-mara kienet esprimiet ir-rikonoxximent li tilfet tarbija għax ma riditx li tkun ‘xitan bħalu’. Din hi s-sitwazzjoni li kienet tgħix fiha din il-familja, li finalment il-Qorti tat is-separazzjoni bit-tort jingħata kollha kemm hu fuq ir-raġel.

Jekk ma jsibx l-ikel fil-pront kien jagħmel storbju sħiħ

Fix-xhieda, binthom li kienet adottata ddikjarat li missierha kien vjolenti lejha u lejn ommha. Kien imur lura d-dar mix-xogħol b’nervi kbar fuqu, u ommha dejjem kienet tkun lesta taqliblu l-ikel fil-pront għax jekk huwa ma jsibx l-ikel lest, kien iqajjem storbju sħiħ. Tirrakonta inċident partikolari fejn missierha xejjer ċintorin lejn ommha, laqat lilha u anke lil ommha, u inċident ieħor fejn ġiegħel lilha u lil ommha jneħħu l-ħwejjeġ ta’ fuqhom għax qal li xtrahomlhom hu. Sostniet li kien ittelifha ħafna mill-istudju tagħha għall-O u A Levels, billi ma kienx iħallieha tuża l-kompjuter għax kien jgħid li jrid jużah hu. Tgħid li darba qattgħalha xi paġni minn xi ktieb li kienet qiegħda taqra meta kienet għadha fl-iskola sekondarja.

Ma naqsitx li tgħid li missierha xħiħ ħafna ma’ ommha u magħha, u li kienet ommha li kienet tgħajjixha mill-paga tagħha. Ma kienx iħalli lil ommha tagħmel manutenzjoni fid-dar u kien tirann. Irrakkontat inċident partikolari meta hija kienet sejra ma’ ommha fuq stazzjon televiżiv, fejn hija ma riditx lil missierha jmur magħhom. Inqala’ argument, hu kien kissrilha n-nuċċali tax-xemx minn fuq rasha u waddab barmil mimli bl-ilma lejha u lejn ommha, xarrabhom għasra u kellhom iħassru l-appuntament. 

Ma kienx iħallihom jieklu mill-ikel li ommha tkun sajret għalih

Tixhed li qatt ma ħa interess fl-istudji tal-iskola tagħha u li ġieli missierha ma kienx iħalli lil ommha u lilha jieklu mill-istess ikel li ommha tkun sajjret għalih. Tirrakkonta li meta kienu marru btala hi u ommha mar għalihom l-ajruport, imma niżżilhom mill-karozza u ħalliehom f’nofs it-triq. Darb’oħra wara operazzjoni li hija kellha f’Malta, missierha irrifjuta li jwassal lilha u lil ommha lejn Għawdex. 

Tirrakkonta kif missierha għandu l-vizzju li jiġbor l-imbarazz u kien mela l-kmamar kollha fid-dar, fil-garaxx, u fil-flat u fil-garaxx li għandu post ieħor bi ħmieġ u bl-imbarazz. Dan ikkawżalha l-kundizzjoni medika magħrufa bħala Chronic Rhinitis u kellha tidħol diversi drabi l-isptar għall-kura. 

Finanzjarjament fl-istudji tagħha dejjem għenitha ommha. Finalment tgħid li missierha ilu li telaq mid-dar xi erba’ jew ħames snin. Tirrakkonta dwar inċident fejn kellhom jidħlu l-Pulizija għax missierha xtaq li jkollu x’jaqsam sesswalment ma’ ommha iżda ommha ma ħallitux. Sussegwentament inħarġet ordni ta’ protezzjoni favur ommha. 

Kien ikollu relazzjoni sesswali kontra l-volontà tagħha

L-Ispettur Frank Anthony Tabone xehed li r-raġel tal-mara kien telaq mid-dar matrimonjali u mar jgħix Malta, iżda kull nhar ta’ Ħadd dan kien jirritorna fid-dar matrimonjali u kien qiegħed ikollu relazzjonijiet sesswali magħha kontra l-volontà tagħha. Irrakkonta kif il-mara stqarret miegħu kif darba sakkret lilha innifisha fil-kamra tas-sodda tat-tifla tagħhom għax hija kienet tibża’ mir-raġel tagħha. Dan kien qabeż mit-tieqa tal-istess kamra irnexxielu jikseb aċċess u kellu x’jaqsam magħha sesswalment kontra l-volontà tagħha. Il-mara talbet lill-pulizija li jittieħdu passi fil-konfront tar-raġel tagħha.

Intejjen u ġrieden mill-imbarazz li kien jiġbor

Xehdet il-mara u qalet li hi żżewġet fl-4 ta’ Settembru tas-sena 1993. Sa’ mill-bidu taż-żwieġ ir-raġel kien jindaħlilha f’kollox. Il-proprjetà matrimonjali hi proprjetà parafernali tagħha. Ir-raġel beda jimla’ kull rokna fid-dar u fil-garaxx bl-imbarazz, anke affarijiet li jsib u jiġbor mit-triq, li kkawża ħafna intejjen u anke l-preżenza tal-ġrieden. Lanqas kien iħallieha tarmi l-iskart domestiku. Kien aggressiv fi kliemu u f’egħmilu magħha. Adottaw lil binthom mir-Rumanija, u s-sitwazzjoni bejn il-partijiet marret għall-agħar. Qalet li r-raġel hu bniedem impulsiv u irrabjat. Ippruvat tieħdu għall-għajnuna għand psikjatra u psikologu iżda huwa dejjem irrifjuta l-għajnuna. Tgħid li hija u bintha kienu jitwerwru meta kienu jisimgħu l-karozza tiegħu ġejja meta huwa kien jirritorna lura d-dar mix-xogħol, għax kien jasal irrabjat u dejjem kien ikun irid l-ikel lest fil-platt. Darba fost l-oħrajn iddeċieda li lilha u lil bintha ma jħalliehomx jieklu mill-ikel li kienet ippreparat. Tgħid li lit-tifla kien jagħtiha ħafna kastigi għal xejn b’xejn. 

Darba fost l-oħrajn ġiegħlha tinża l-ħwejjeġ ta’ fuqha għax qal li kien xtrahom hu. Darba oħra kienu ħerġin hi u t-tifla u waddbilhom barmil ilma, u kellhom iħassru l-ħarġa. Okkażjoni oħra waddabha mis-sodda għal isfel, u darba oħra sakkarha barra fit-triq u ħallieha barra għal siegħat sħaħ. Darba oħra weġgħet waqt li kienet qiegħda tnaddaf u l-intimat ma kienx ta kasha. 

Tgħid li lit-tifla kien ittellifha ħafna mill-istudju. Ġieli ħadilha l-modem biex ma taqbadx mal-internet, u ġieli qattgħalha l-kotba. Lanqas kien iħallihom jużaw it-telefon id-dar. Xehdet ukoll kif lilha qatt ma kien jagħtieha flus u li huwa bniedem xħiħ ħafna. Fid-dar qatt ma kien imidd idejħ. Ma kienx iħallieha tagħmel manutenzjoni fid-dar lanqas bi flusha. Darba marret btala ma’ bintha u l-missier ħalliehom jistennewh għal ħafna ħin l-ajruport, imbagħad meta wasal niżżilhom mill-karozza u ħalliehom f’nofs ta’ triq. Qalet li bl-imbarazz li kien iħalli ir-raġel wassal biex binthom spiċċat bil-kondizzjoni kronika ta’ chronic rhinitis. Tgħid li xtraw villeġġjatura fiż-żwieġ imma hu imlieha ukoll bl-imbarazz. 

Tirrakonta kif wara li telaq mid-dar kien imur id-dar meta jfettillu u jkollu x’jaqsam sesswalment magħha, ukoll kontra l-volo

ntà tagħha. Darba għamlet rapport lil-Pulizija, mexxiet bil-Qorti u nħarġet ordni ta’ protezzjoni favuriha. 

‘Dictator’ u ‘vendikattiv’ … qattagħha it-tyres

Il-mara qalet li t-tifla tagħha tbati minn allerġiji minħabba l-imbarazz u l-ħmieġ li hemm id-dar (saħansitra ħwejjeġ użati). Spjegat li fid-dar ir-raġel kisser ħafna affarijiet ukoll. Tgħid kif ma kienx iħallieha tuża l-laptop u t-telefon. Tgħid li lit-tifla adottiva tagħhom kissirha psikoġikament. Tispjega kemm huwa vendikattiv u li dejjem jaħseb il-ħazin. Darba minnhom saħansitra qaċċtilha it-tyres tal-karozza. Huwa dittatur. Lit-tifla għenitha weħedha finanzjarjament, u tgħid li r-raġel investa anke flusha. Meta t-tifla għamlet operazzjoni ħadet ħsiebha weħedha, u r-raġel ma riedx iwassalhom id-dar wara l-isptar. Darba waħda weġgħet sewwa għax kienet qed tnaddaf u ma ħallihiex tuża sellum twil biex tnaddaf u ma qgħadx magħha jgħinha. Lanqas ma qagħad magħha wara li weġgħet. Ma kienx iħallieha tixtri l-affarijiet għad-dar.

Jgħid li kien jiġbor ħwejjeġ u żraben għar-refuġjati

Ir-raġel xehed li “l-mara bdiet proċeduri ta’ annullament mingħajr ma huwa kien jaf bihom għal xhur sħaħ. Xehed li fil-garaxxijiet kien hemm affarijiet maħżuna li kienu jappartjenu lill-terzi, u kellu ukoll materjal ta’ fundraising u ħwejjeġ, żraben u ġugarelli biex jingħataw lir-rifuġjati f’Malta. Fit-tielet affidavit tiegħu qal li t-tmiem ta’ relazzjoni kien ta’ xokk kbir għalih. Spjega li l-mara ma għamlet xejn ma’ ommu li kellha il-kanċer tas-sider. Iddikjara li lanqas marret tarah wara li kellu inċident bil-karozza fit-Triq il-Kosta Malta. F’affidavit ieħor ir-raġel qal li wara ix-xogħol martu ma kinitx tagħtih ċans jagħmel xejn iżda kienet tkun tridu jiekol fil-pront. Qal li lanqas quddies ma kienu baqgħu jmorru flimkien. Qal li l-mara kienet stqarret miegħu li kieku hija kienet taf li setgħet tadotta mingħajr ma tiżżewweġ hekk kienet tagħmel. Esprimiet miegħu rikonoxximent għall-korrimenti ħalli ma tiġix tarbija xitan bħalu. Finalment jgħid li meta ħarġet mill-MUSEUM kellha dippressjoni li ippruvat tfejjaq billi tiżżewġu. 

Il-Qorti rat ix-xhieda ta’ bint il-partijiet, liema xhieda din il-Qorti ma għandhiex raġuni ma temminx. Din ix-xhieda tikkonferma dak li tgħid il-mara dwar l-aġir tar-raġel kif ukoll il-problemi kollha li elenkat il-mara fl-affidavit tagħha u fix-xhieda tagħha. Din il-Qorti rat kif ir-raġel kien fost l-oħrajn jgħajjat u jsabbat mal-ħitan – u jwerwer lill-mara u lit-tifla; iġiegħel lill-mara u lit-tifla jneħħu ħwejjeġ għax jgħidilhom li jkun xtrahomlhom huwa; ixxarrabhom bl-ilma lill-mara u lil bintha qabel ma dawn jkunu ħerġin; jirrifjuta li jwassalhom jew li jħalliehom f’nofs ta’ triq, kif ukoll li jsawwathom biċ-ċintorin, kif ukoll jisforza ripetutament l-att sesswali mar-raġel kontra l-volontà tagħha. Il-Qorti iddikjara li “r-raġel ma kellu l- ebda interess illi jkun ta’ sapport għal familtu, kemm moralment kif ukoll finanzjarjament. Dan ċertament mhuwiex l-aġir ta’ raġel tal-familja u missier.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport