Il-Malta FA bi kburija ħabbret il-ħatra prestiġjuża tar-Referee tal-FIFA Ishmael Barbara bħala r-Raba’ Uffiċjal għat-turnew finali tal-Kampjonat Ewropew ta’ Taħt il-21 Sena tal-UEFA tal-2025, li se jsir fis-Slovakkja mill-11 sat-28 ta’ Ġunju.
Din il-ħatra timmarka kisba sinjifikanti kemm għal Ishmael kif ukoll għar-refereeing Malti, peressli tirrappreżenta ritorn għall-ogħla livelli tal-kompetizzjonijiet taż-żgħażagħ tal-UEFA wara assenza twila. L-aħħar involviment Malti f’dan l-istadju kien ħafna snin ilu, b’assistant referee jipparteċipa f’edizzjoni preċedenti ta’ dan it-turnew elite.
It-turnew finali jinkludi 16-il tim nazzjonali maqsuma f’erba’ gruppi, li juru l-aktar talenti brillanti tal-futbol tal-Ewropa.
L-għażla ta’ Ishmael issegwi l-parteċipazzjoni b’suċċess tiegħu fit-Turnew Finali tal-UEFA ta’ Taħt id-19 Sena tas-sena l-oħra, kif ukoll il-monitoraġġ kontinwu tal-UEFA tal-prestazzjonijiet pożittivi tiegħu kemm fil-livelli internazzjonali kif ukoll domestiċi. Bi tħejjija għall-EURO ta’ Taħt il-21 Sena, kellu wkoll jgħaddi minn serje ta’ testijiet fiżiċi impenjattivi u programmi ta’ saħħa fiżika, biex jiżgura li laħaq l-istandards għoljin meħtieġa għal dan l-avveniment ewlieni tal-UEFA.
Ishmael bħalissa jinsab fis-Slovakkja flimkien ma’ referis internazzjonali sħabu bħala parti mill-aħħar tħejjijiet qabel il-bidu tat-turnew nhar l-Erbgħa.
L-ewwel inkarigu tiegħu se jkun bħala r-Raba’ Uffiċjal fil-logħba tal-Grupp B bejn il-Ġermanja u s-Slovenja, skedata għall-Ħamis 12 ta’ Ġunju fid-9pm, li tintlagħab fl-Istadium Nitra. Il-logħba se tkun irreferjata mis-Sur Jakob Alexander Sundberg (Danimarka), assistit mill-kompatrijotti tiegħu Viktor Skytte u Deniz Yurdakul. Jonas Hansen (Danimarka) u Jan Boterberg (Belġju) se joperaw bħala VAR u AVAR, rispettivament.
Din il-ħatra tirrifletti l-investiment kontinwu tal-Malta FA fl-iżvilupp tar-referis u l-impenn tagħha li tara uffiċjali lokali jeċċellaw fix-xena internazzjonali.
L-MFA awgurat lil Ishmael l-isbaħ xewqat f’dan l-inkarigu prestiġjuż waqt li tħares ‘il quddiem biex tara r-referis Maltin ikomplu jkollhom sehem importanti fil-futbol Ewropew.