Jason Zammit, is-Sibt tressaq il-Qorti wara li kien ġie arrestat hekk kif fost l-oħrajn kien barra f’ħinijiet li suppost kien id-dar b’ordni tal-Qorti.
Il-Prosekuzzjoni qalet li hu twaqqaf għall-ħabta tat-3.00am, iżda minkejja kull twissija u baqa’ jsuq għal madwar 20 minuta sakemm ġie arrestat.
Hekk kif saret tfittxija fil-karozza tiegħu nstabet borża b’żewġ grammi ta’ sustanza suspettata kokaina. Il-Prosekuzzjoni qalet li aktar tard saret tifttxija fir-residenza tiegħu f’Tal-Pietà, il-pulizija sabu miżien elettroniku u aktar sustanzi simili.
Quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia l-Prosekuzzjoni qalet li l-imputat hu magħruf sew mal-Pulizija hekk kif l-ewwel darba li kien tressaq il-Qorti kien fl-1998. Hu kien mixli b’pussess ta’ kokaina, li wettaq reat f’100 metru minn post frekwentat miż-żgħażagħ, u li ma obdiex ordnijiet leġittimi tal-pulizija.
Huwa kien mixli wkoll li pprova jeqred jew jimmodifika traċċi ta’ reat, li kiser kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest u li sar reċediv.
Filwaqt li fil-Qorti l-imputat qal li bħalissa m’għandux impjieg, hu wieġeb mhux ħati. Id-difiża qalet li f’dan l-istadju ma kienix se tagħmel talba għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk il-Qorti ordnat li jibqa’ jinżamm arrestat.
L-Ispettur Jonathan Pace talab lill-qorti biex jiġi żgurat li Zammit jirċievi l-kura medika meħtieġa fil-ħabs.
Għall-akkużat dehru l-avukati Franco Debono, Marion Camilleri, Adreana Zammit u Matthew Xuereb.