Raġel sofra ġrieħi f’rasu wara li aktar kmieni dalgħodu kien involut f’inċident fil-Bajja tar-Ramla l-Ħamra, ix-Xagħra, Għawdex.
Mill-ewwel investigazzjonijiet jidher li r-raġel ta’ 44 sena minn Ħal Qormi kien qiegħed fuq dinghi mal-familja tiegħu meta għal xi raġuni għeleb u spiċċa fil-baħar. Sussegwentament huwa ntlaqat mill-iskrun tal-istess dinghi sab ruħu f’diffikultà.
Fuq il-post issejħet l-għajnuna ta’ uffiċjali mill-Forzi Armati ta’ Malta li taw l-ewwel assistenza lir-raġel biex dan seta’ jiddaħħal il-Port tal-Imġarr Għawdex.
Hemmhekk sab jistennieh tim mediku u ambulanza li ħaduh lejn l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għal iktar kura. Aktar tard huwa ġie ċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.