Raġel ta’ 54 sena minn New Zealand u residenti l-Imsida, sofra ġrieħi gravi wara li kien involut f’argument fl-Imsida.
Kienu għall-ħabta tal-11.15 a.m., xħin il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm argument f’appartament li jinsab fi Triq Oscar Żammit, fl-Imsida.
Il-Pulizija tad-Distrett, assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, marru minnufih fuq il-post fejn minn investigazzjonijiet preliminari li għamlu rriżulta li seħħ argument bejn żewġt irġiel. Minn iżjed stħarriġ li sar irriżulta li r-raġel ta’ 54, allegatament, kien aggredit b’daqqiet ta’ sieq f’rasu minn raġel ta’ 35 sena residenti Ħal Tarxien.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna, waqt li ambulanza ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
Ir-raġel ta’ 35 sena qed jiġi mitkellem mill-Pulizija filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.