Sunday, November 24, 2024

Isostnu li xieraq li l-ġisem ta’ Lassana jingħata lill-familja tiegħu biex tagħlaq dan l-episodju ikrah

Aqra wkoll

“Dan kien attakk terrorista li kellu l-għan li jġib it-terrur fostna. Atti ta’ vjolenza bħal dan iridu jiġu mfakkra, mhux minsijin jew imsikktin. Qegħdin insejħu lill-awtoritajiet biex jirritornaw il-ġisem ta’ Lassana bla dewmien biex b’hekk il-familja tiegħu tkun tista’ b’xi mod tagħlaq dan l-episodju ikraħ.”

Hekk qalu numru ta’ organizzazzjonijiet li llum wara nofsinhar inġabru quddiem il-Qorti fil-Belt Valletta biex jgħaddu messaġġ ċar u b’saħħtu fl-okkażjoni tat-tielet anniversarju tal-qtil brutali ta’ Lassana Cisse. 

Fis-6 ta’ April ta’ tliet snin ilu, Lassana kien inqatel waqt li kien miexi għall-affari tiegħu fi triq fil-limiti ta’ Birżebbuġa.

Fid-diskors tagħhom, dawk li nġabru quddiem il-Qorti qalu li dan kien attakk terrorista li kellu l-għan li jġib it-terrur fostna. “Iż-żewġ suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta li allegatament sparaw fuq Lassana, x’aktarx għamlu hekk għax ħasbu li se jeħilsuha ħafif, mingħajr ma jkun hemm konsegwenzi. Dan l-aġir kien aġevolat mir-retorika politika li tagħti l-impressjoni li l-barranin jistgħu jiġu trattati bħala nies inferjuri.”

Żiedu jgħidu li huwa importanti ħafna li nagħrfu il-qtil brutali ta’ Lassana bħala l-quċċata tar-razziżmu sistematiku u istituzzjonalizzat li qed jaffettwa lis-soċjetà tagħna fuq kull livell. 

Qalu wkoll li jinsabu mħassba wkoll dwar rapporti ta’ profili razzjali li saru mill-pulizija. Sostnew li l-barranin qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni ta’ rutina fil-biċċa l-kbira tat-trattamenti tagħhom mas-soċjetà Maltija.

“Dan kollu jseħħ f’kuntest. Id-diskors politiku ilu jifrex il-fjammi tal-preġudizzji razzisti għal żmien twil, filwaqt li oħrajn aċċettaw id-diskriminazzjoni għax baqgħu siekta. Jeħtieġ li l-Gvern jagħti messaġġ ċar li r-razziżmu u l-preġudizzju mhumiex se jkunu tollerati.” 

Fi kliemhom, qalu li jinstabu wkoll verament diżgustati li tliet snin wara mewtu, il-ġisem ta’ Lassana Cisse għadu ma tħalliex jintbagħat lura għand il-familja tiegħu il-Kosta tal-Ivorju. Għaldaqstant sejħu lill-awtoritajiet biex jirritornaw il-ġisem ta’ Lassana bla dewmien biex b’hekk il-familja tiegħu tkun tista’ b’xi mod tagħlaq dan l-episodju ikraħ.

Sport