Monday, April 29, 2024

“Issa ili mhux ħażin ma mmiss droga u dan kollu jimlieni b’sodisfazzjon kbir”

- Miguel Mifsud b’ġirja ta’ 100 kilometru b’risq il-Caritas

Aqra wkoll

Miguel Mifsud hu eks plejer tal-futbol li tul il-karriera tiegħu lagħab ma’ diversi timijiet fosthom Hibernians, Sliema u St George’s. Hu rebaħ ukoll il-Kampjonat Premier mal-istess Hibernians fejn saħansitra skorja l-gowl li ta t-trofew lill-Pawlisti. Hu lagħab ukoll mat-tim nazzjonali Malti fil-passat fejn ħass dak iċ-ċertu sodisfazzjon li rrappreżenta lil pajjiżu. 

Minkejja kollox, ħajjet Mifsud ma kinitx biss ferħ iżda wkoll ħafna mrar. F’dawn l-aħħar snin hu safa’ vittma tad-droga fejn kif kien jirraġuna dak iż-żmien, kienet isservi sabiex tippremjah tas-suċċess li kien kiseb. Naturalment kif qal hu stess, dan ma kienx raġunament tajjeb minħabba li dan il-vizzju ġabu ħażin ħafna.

Fl-1999 daħal l-ewwel darba l-Caritas u għamel il-programm erba’ darbiet. Kien qed jgħix ħajja doppja, tant li kellu negozju tajjeb li b’xorti ħażina falla minħabba l-flus li kien jonfoq biex jixtri d-droga. Il-karriera tiegħu tal-football intemmet ħesrem u minkejja li jiddispjaċih jaraha bħala esperjenza li kiber minnha u issa jrid jagħti lura minn dak li rċieva grazzi għall-Caritas.

Huwa għalhekk li Mifsud, li llum il-ġurnata għandu 44 sena bħalissa qed jipprepara għal sfida li daħal għaliha b’ruħu u ġismu, dik li fis-7 t’April jagħmel ġirja ta’ 100 kilometru b’risq il-Caritas bl-isem ta’ ‘Giving Back Run’.

“Inħoss li bil-ġiri sibt lili nnifsi, litteralment ħadt ħajti lura. Meta nkun qed niġri distanzi twal ħafna drabi nġarrab ħafna emozzjonijiet diversi, fosthom ferħ u daħk għalkemm mhux darba jew tnejn li ġieli nispiċċa nibki.”

Hawn hu jiftakar f’missieru li ħalla din id-dinja u li , imma ġieli wkoll jaqbad jemozzona ruħu għax jiftakar fil-papà tiegħu li ħalliena. Jiftakar li hu kien jinkwieta ħafna għalih bħal ommu tant kemm kienu jħobbuh. Minkejja kollox, hu xtaq li kieku missieru jarah fit-trasformazzjoni kollha tiegħu.

Saqsejnih kif kienet it-tfulija tiegħu.

“Kienet tfulija normali fejn trabbejt ma’ tliet aħwa nisa, Twelidt f’Bormla u kont immur fil-Kulleġġ St Edward’s. Ta’ età żgħira mort nilgħab il-futbol fejn ta’ 13-il sena bdejt nitħarreġ ma’ Hibernians filwaqt li ftit tas-snin wara kont lgħabt sena barra minn Malta ma’ Cambridge United. Kont anke mgħajjat ma’ Hibernians mal-kbar u dan imlieni b’sodisfazzjon kbir aktar u aktar għax kont għadni żgħir.”

Madankollu fiż-żminijiet taż-żgħożija tiegħu, ħajjet Miguel kienet effettwata ħafna bid-droga. Fil-fatt fiż-żmien meta kellu bejn is-16 u d-19-il sena, hu esperimenta b’ħafna droga u wara xi żmien kellu jidħol jagħmel il-programm tal-CARITAS biex jipprova joħroġ minn dan il-vizzju.

Sadanittant, il-ħajja sportiva tiegħu kompliet fejn anke għamel sena jilgħab ma’ Xgħajra Tornados u kien hemm żmien fejn anke kien ġie mgħajjat mat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena mmexxi minn Ray Żażu Farrugia.

Saqsejnieh iżda kif kien jirnexxielu jagħti l-aqwa tiegħu meta tqis li kien jilgħab fl-ogħla livell tal-futbol Malti u kif id-droga ma kinitx teffettwah daqshekk.

“Ma nistax ngħid li ma kinitx teffettwani meta tqis li konna nitħarrġu u nilagħbu futbol intensiv. Madankollu jien dejjem tajt il-mija fil-mija tiegħu kull meta lbist il-flokk tal-klabb li kont nilgħab miegħu. Nammetti li kont inkun ferm għajjien u filgħaxija kont ninstabat fis-sodda.”

“Niftakar meta Hibernians konna għaddejna fil-UEFA Champions League kontra Shelbourne u imbagħad kellna nilagħbu kontra Boavista. Hemmhekk jien kont lgħabt waħda mill-aqwa partiti tiegħi. Ir-raġunament tiegħi kien li issa li mort tajjeb, bħala premju nieħu d-droga. Nibqa’ ċċassat lejn kif kont naħseb b’moħħi!”

Miguel Mifsud jgħid li waqa’ ħażin ħafna u kellu jieqaf mill-futbol, falla fil-kumpanija tal-iscaffolding tiegħu filwaqt li kellu mumenti ferm koroh li kien qed jgħaddi minnhom. Fl-istess waqt ġietu opportunita’ li jsiefer barra minn Malta fejn l-ewwel ħadem ma’ kumpanija tal-films imbagħad aktar tard fuq vapur taż-żejt.

Iż-żmien għadda u l-inkwiet ma naqasx f’ħajjet Miguel.

“Kien hemm mumenti li meta ħassejtni ħażin ħafna, mort il-CARITAS għall-għajnuna u nista’ ngħid li dejjem sibt il-bieb miftuħ min-naħa tagħhom. Kien f’dan iż-żmien li miet missieri u jien ħassejtha ħafna tant li l-attività relatata mad-droga żdiedet mhux ftit. Spiċċajt saħansitra Mount Carmel bil-medikazzjoni u naħseb li dan kien l-agħar punt ta’ ħajti.”

Mifsud jgħid li dejjem sab il-kuraġġ u s-sapport mingħand martu f’din il-mixja xejn sabiħa. Dan kollu kien ifisser snin ta’ stennija u taqtigħ il-qalb bil-familja tiegħu li batiet mhux ftit.

“Issa ili mhux ħażin ma mmiss droga u dan kollu jimlieni b’sodisfazzjon kbir. Sadanittanat hu għalhekk li se nkun qed norganizza din il-ġirja sabiex qisni nagħti lura minn dak kollu li rċevejt matul ħajti, dik l-imħabba u attenzjoni min-nies li ħadu ħsiebu sabiex noħroġ minn dan il-vizzju ferm ikrah.”

Saqsejnieh kif jara l-futur tiegħu. Hu qalilna li l-familja hi kruċjali għalih u minn hawn irringrazzja lil martu li tant issapportjatu u tagħtu ħafna kuraġġ. Sostna li jrid jibqa’ umli u jitlob lil Alla li tant kien miegħu fil-mumenti diffiċli ta’ ħajtu.

Miguel Mifsud xtaq jirringrazzja lil CARITAS li dejjem kienu għalih f’mumenti delikati u appella lin-nies li huma maħkuma minn din il-problema sabiex jitkellmu għax għajnuna se jsibu dejjem. 

Sadanittant, din il-ġirja se tibda fl-4am tas-7 t’April minn ħdejn il-kappella ta’ Ħad-Dingli u tispiċċa madwar 12-il siegħa wara, fiċ-ċentru ta’ San Blas.

Finalment Miguel Mifsud qalilna li nfetaħ kont apposta għal dawk kollha li jixtiequ jagħtu d-donazzjoni tagħhom b’risq il-Caritas. Wieħed jista’ jagħti donazzjonijiet f’kont li nfetaħ apposta ta’ BOV bl-isem Giving Back Run fuq IBAN: MT60VALL22013000000050020756300

“Kull donazzjoni hi apprezzata anke għax tgħin sabiex din l-għaqda li tagħmel tant ġid mal-poplu Malti u Għawdxi, tkompli topera bl-aħjar mod possibbli.

Sport