Thursday, October 9, 2025

Issa li sparixxiet Dr Audrey Friggieri

Aqra wkoll

Nistħajlek li waqt li qed taqra t-titlu ta’ dan il-kummentarju qed tistaqsini min hi din Dr Audrey Friggieri. Tħabbilx moħħok, se ngħidlek, apparti li fil-parti t’isfel tal-paġna għandek ukoll xi ftit informazzjoni oħra.

Audrey Friggieri hija l-persuna li s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ u Riċerka, Matthew Vella, raha bħala l-persuna ideali biex tingħata l-kariga ta’ Direttur Inclusion Support Services fi ħdan il-Ministeru ‘tiegħu’.  Kien hemm min sejħilha l-aktar kwalifikata u idoneja għall-kariga. Ovvjament, flok min kien hemm qabel. Biex seħħ dak li ried Matthew Vella, sar manuvrar mhux ftit. Manuvrar li kien ilu għaddej mill-inqas minn Settembru tas-sena 2023. Manuvrar f’diversi forom, bħal tnaqqir mid-dmirijiet li kellha l-uffiċjal li allura kienet tokkupa l-kariga inkwistjoni. Manuvrar biex din l-uffiċjal gradwalment titwarrab u tinqata’ mix-xogħol li għalih kienet maħtura u responsabli. B’dawn il-manuvri ġie nfurmat min kellu jkun infurmat, bit-tama li fil-proċess tal-għażla, li jsir kull erba’ snin, ikun hemm “a level playing field” kif għandu jkun.

F’Mejju tas-sena 2024 saret is-sejħa ta’ kull erba’ snin għall-kariga inkwistjoni.  Is-sejħa kienet għal Direttur (National Students’ Wellbeing Services). Fost l-applikanti kien hemm Dr Audrey Friggieri u l-uffiċjal li kienet qed tokkupa l-kariga sa dakinhar.  Kien evidenti li kien se jkun diffiċli mmens li ma terġax tinħatar l-uffiċjal li kien hemm, minħabba l-esperjenza vasta tagħha fil-qasam tal-inklużjoni, it-track record pożittiv li għandha, u l-kwalifiki akkademiċi li għandha fis-suġġett.

Jidher li b’riżultat t’hekk, is-Segretarju Permanenti, Matthew Vella, tagħtu ferneżija. Ma ried b’ebda mod li jerġa’ jkollu ma’ djulu lil min ma kienx lest ibaxxi rasu għal kollox, imma kien lest BISS li jaħdem kif inhu sewwa, xieraq u ġust. U hawn tfaqqas pjan li ma kienx jinħolom!

Fil-perjodu ta’ bejn l-interview u t-tħabbir tar-riżultat, id-Direttorat National Students’ Wellbeing Services INQASAM FI TNEJN, wieħed għall-INKLUŻJONI u l-ieħor għall-BENESSERI u flok Direttur wieħed (bħal ma kien ppublikat fis-sejħa), iddaħħlu żewġ Diretturi, jiġifieri l-uffiċjal li oriġinarjament kienet fil-kariga, u Dr Audrey Friggieri, bid-Direttorat tal-Inklużjoni jingħata lil Dr Friggieri, u biex b’hekk iseħħ parzjalment dak li ried Matthew Vella.

Dan ifisser li r-riżultat li ħareġ f’Ottubru 2024, ma kienx jirrifletti s-sejħa li saret f’Mejju 2024.

Il-viltà żdiedet fid-doża tagħha tant li b’tali deċiżjoni lanqas kellhom id-diċenza jinfurmaw lill-uffiċjal li oriġinarjament kienet  fil-kariga, li d-Direttorat kienu qasmuh!! Saret taf biss f’Novembru 2024 meta skont il-proċedura stabbilita, bagħtet id-dokumenti meħtieġa u approvati mid-Direttur Ġenerali DES, lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex isir il-kuntratt il-ġdid. Kien mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru li infurmawha li kellha ŻBALL fid-dokumenti li bagħtet. Li FIL-VERITÀ ma kien żball xejn. Kien kollox skont dak li saret is-sejħa għalih. Qalulha li-Direttorat li applikat biex tmexxi mill-ġdid, issa m’għadux jeżisti.  Minkejja l-protesti dwar dan il-manuvrar, kollox tħalla għaddej. Kien biss fil-bidu ta’ Jannar li għadda li ħarġet Ċirkulari li ĦABBRET uffiċjalment il-qsim tad-Direttorat fi tnejn.

Agħar minn hekk, l-uffiċjal li kienet tokkupa din il-kariga, kienet ir-rappreżentanta ta’ Malta (għal iktar minn 10 snin) fil-European Agency for Special Needs and Inclusive Education u kienet ġiet eletta wkoll fil-Management Board tal-istess Aġenzija, fuq il-mertu professjonali tagħha, imma dejjem f’isem pajjiżna.  Saret taf li m’għadhiex rappreżentanta ta’ Malta, mhux mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ u Riċerka, imma mir-rappreżentanti tal-pajjiżi l-oħra Ewropej, meta bdew jibagħtulha r-ringrazzjamenti għas-servizzi u x-xogħol siewi tagħha, u biex jawgurawlha għall-futur tagħha, la darba mhux se jarawha iktar. Nistgħu nwaqqgħu għaż-żufjett lil pajjiżna iktar minn hekk?

L-informazzjoni li għandi tindika li Dr Friggieri ppruvat tħabbat numru ta’ bibien biex tieħu l-kariga hi, għalkemm mill-bidunett deher dak li kien ovvju. Kienet libset, jew libbsuha żarbun, li ma kienx jiġiha. Dan minkejja diversi attentati u direzzjonijiet min-naħa tas-Segretarju Permanenti Matthew Vella biex ikun hemm kull għajnuna possibbli lil min SUPPOST kien aktar tajjeb, kwalifikat, u idoneju għal din il-kariga. Issa kull min b’xi mod imiss ma’ dan id-Direttorat jaf li s-sitwazzjoni xejn ma hija waħda faċli.  Anzi, hija kariga sensittiva u kumplessa mmens għax fost ħemel ta’ responsabbiltajiet, tinvolvi servizzi sensittivi fl-iskejjel ma’ studenti bi bżonnijiet individwali.

Is-sitwazzjoni kurrenti f’dan id-Direttorat jafuha Alla, Audrey Friggieri, Matthew Vella u KULL MIN jaħdem fis-settur. Niddubita jekk il-Ministru FINALMENT responsabbli, Clifton Grima, jafx eżattament x’ġara, għalkemm ILLUM jaf ŻGUR xi problema tefagħlu f’ħoġru Matthew Vella. Illum il-Ministru Grima jaf ŻGUR li kulħadd qed tagħtih rasu, u li inutli tgħid li bħalissa qed tiddi x-xemx meta fil-fatt għaddejja maltempata! U jekk ma jafx ir-realtà kollha, allura jrid jara x’jagħmel b’min qed idaħħlu kontinwament fil-ħajt.

Issa, fil-bidu ta’ sena skolastika ġdida, Dr Audrey Friggieri telqet mill-kariga u ħalliet lampa stampa lil Matthew Vella, u lil min kien taptpilha fuq daharha u ddeskrieviha bħala kwalifikata u idoneja aktar mill-predeċessur tagħha.

Huwa ironiku, jekk mhux tal-biki, li propju fl-istess żmien li tħabbar il-bidu ta’ konsultazzjoni għal strateġija ġdida ta’ edukazzjoni inklussiva, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ u Riċerka għandu d-Direttorat tal-Inklużjoni mingħajr Direttur. Interessanti wkoll x’jgħidu Matthew Vella u ta’ madwaru lil xulxin dwar dan! Li naħseb li jgħidu wara l-bibien magħluqa hu: x’waħda waqajna għaċ-ċajt. Ħriġna ta’ mażetta.

Il-ħasra hi li l-konsegwenzi qegħdin ibatuhom it-tfal konċernati, il-ġenituri tagħhom, l-edukaturi flimkien mal-kapijiet tal-iskejjel.

Illum Dr Audrey Friggieri, eks Kummissarju għall-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, spiċċat Assistenta Kap fi skola statali.

Sadattant nittama li b’reazzjoni għal dan li ktibt ma jkunx hemm xi Matthew Vella jew xi alla ieħor/oħra li jirrikorru għal aktar inġustizzji ta’ din ix-xorta jew ta’ xi forma oħra, għax imbagħad verament ikun inqabeż kull limitu.

Lil min staqsa kemm se ndum sejjer b’din l-istorja u jekk hemmx involuta membru tal-familja tiegħi fiha, ngħidlu ċar u tond. Iva, hemm involuta membru tal-familja tiegħi li kull min irid ikun ġenwin, jaf bil-kapaċitajiet tagħha, jaf kif irranġat u saħħet id-Direttorat, u issa suppost jaf ukoll x’inhi s-sitwazzjoni llum wara biss disa’ xhur li tneħħiet mill-kariga. Indum sejjer biha għax l-inġustizzji ma naċċettahomx. Aktar u aktar meta jsiru minn nies li LLUM għandhom il-kariga li għandhom grazzi biss għax-xogħol li sar għall-Partit Laburista minn ħafna nies bħali, meta l-Partit kien fl-oppożizzjoni u huma kienu għadhom bil-ħarqa. Nies li sabu sodda mifruxa minn nies bħali. Lil dan it-tali nawguralu biss li la hu u lanqas familtu ma jgħaddu minn dak li għaddejt jien u familti u bħali min jaf kemm aktar.

[email protected]

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport