Monday, September 23, 2024

Issiġillata l-protezzjoni ta’ Ħondoq ir-Rummien: l-ERA tiddikjara din l-art bħala Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni

Il-Qortin ta’ Isopu, il-Ġebla tal-Ħnejja u l-Ġebla tal-Fessej f’Għawdex jingħataw l-istess protezzjoni

Aqra wkoll

Il-Gvern Malti issiġilla l-protezzjoni u l-ħarsien ambjentali ta’ Ħondoq ir-Rummien bid-dikjarazzjoni li dan is-sit huwa legalment meqjus bħala Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni mill-Awtorita Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).

Fl-istess proċess, żewġ siti oħra f’Għawdex qed jiġu iddikkjarati bħala Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni. Dawn huma il-Qortin ta’ Isopu u l-Ġebla tal-Fessej li permezz ta’ notifika li l-Gvern se joħroġ din il-ġimgħa, se jgawdu minn ħarsien ambjentali minħabba r-rikkezzi naturali u ġeoloġiċi tagħhom.

F’Malta, Xrobb l-Għaġin ukoll se jgawdi mill-istess protezzjoni.

Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u l-Ministru għall-Għawdex Clint Camilleri flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-ERA, Kevin Mercieca u s-Sindku tal-Qala, Pawlu Buttigieg, qalu li issa Ħondoq għandu wkoll il-protezzjoni legali. Fl-2006, din l-art ingħatat għall-iżvilupp u ddaħħlet fil-pjani lokali ta’ dak iż-żmien.

“Qed nagħtu lil Ħondoq fost l-ogħla livelli ta’ protezzjoni ambjentali li joffru l-liġijiet ambjentali ta’ pajjiżna. Il-Gvern qed jirrikonoxxi b’mod legali u uffiċjali l-importanza naturali ta’ din iż-żona bil-ħarsien tal-inħawi fejn insibu bijodiversità rikka b’ħafna habitats differenti, bħax-xagħri, kif ukoll speċi protetti, bħall-ħarrub u siġar taż-żebbuġ maturi,” spjegat il-Ministru Miriam Dalli.

Din il-protezzjoni tfisser li attivitajiet f’din iż-żona huma suġġetti għal screening jew studji ambjentali aktar rigorużi minn ta’ siti oħra li jinsabu f’żoni barra mill-iżvilupp (ODZ). Fejn jinstab li se jkun hemm impatt negattiv fuq il-bijodiversità tal-inħawi, l-attività ma tkunx tista’ ssir jekk l-ewwel ma jiġux eliminati dawn il-konsegwenzi.

“B’kollox qed inżidu madwar 850,000 metru kwadru oħra t’art protetta – daqs 120 ground tal-football, ftit akbar mid-daqs tal-Belt Valletta. Dan ifisser li, b’kollox, madwar terz tal-art f’pajjiżna hija protetta taħt diversi regolamenti ambjentali,” spjegat il-Ministru Dalli.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Clint Camilleri stqarr li dan hu pass ieħor importanti għall-konservazzjoni taż-żona ta’ Ħondoq ir-Rummien u żoni oħrajn madwar Għawdex fejn permezz ta’ din id-deċiżjoni din iż-żona se tkun protetta f’dik li għandha x’taqsam konservazzjoni ambjentali. Huwa spjega li “dan ikompli mal-istess passi li qed tieħu l-Awtorita tal-Ippjanar fejn għaddej il-proċess u wasal fi qrib it-tmiem tiegħu sabiex din iż-żona tkun waħda designated għall-afforestazzjoni u tkun qiegħda teskludi kull tip ta’ żvilupp hawnhekk. Għaldaqstant, nemmen li l-Gvern Malti qed jieħu deċiżjonijiet essenzjali għall-protezzjoni ta’ żoni importanti għall-Għawdxin u għall-Maltin sabiex ikunu mhux biss protetti imma jistgħu jitgawdew minna u mill-ġenerazzjonijiet li ġejjin,” qal il-Ministru Camilleri.

Minn naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-ERA Kevin Mercieca spjega kif issa se jkun qed jitfassal pjan ta’ konservazzjoni. “Din iż-żieda fiż-żoni protetti hija xhied tax-xogħol tajjeb tal-Awtorita. Naturalment, ix-xogħol mhux se jieqaf hawn u l-ERA se tkompli taħdem biex jiġu stabbiliti miżuri ta’ konservazzjoni għal kull sit. L-ERA se tkun ukoll qed tikkordina mal-istakeholders kollha sabiex jittiħdu l-azzjonijiet neċessarji favur dawn is-siti,” qal is-Sur Mercieca.

Is-Sinku tal-Qala Pawlu Buttigieg esprima s-sodisfazzjoni tiegħu għal dan il-pass: “Ninsab kuntent li Ħondoq ir-Rummien qed jingħata dan it-titlu bħala Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni biex il-kwistjoni ta’ Ħondoq tkun issiġillata darba għal dejjem.”

Sport