Ilbieraħ is-Sibt 21 ta’ Ġunju, l-ewwel ġurnata sajfija tal-istaġun, u l-itwal ġurnata ta’ dawl matul is-sena, fil- Pjazza il-Vitorja, Xagħra, ġiet organizzata t-12 il-edizzjoni tal-Festival tat-Tin. Dan il-festival sar appuntament stabbli fil-kalendarju kulturali ta’ Għawdex u joffri spazju fejn jiġu ċċelebrati l-biedja, il-kultura, u t-tradizzjonijiet lokali.

Festival organizzat mil-Kunsill Lokali tax-Xagħra b’ħidma kontinwa tad-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar. Jingħad li f’din il-lokalita hawn numru sostanzjali ta’ siġar tal- bajtar ta’ San Ġwann / tin, għaliex il-ħamrija toffri l-aħjar kundizzjonijiet għat-tkabbir ta’ din is-siġra.

Il-ftuħ ta’ dan il-festival fil-pjazza prinċipali ta’ dan il-lokalità bdiet b’kant mużikali tal-Għawdxi magħruf fostna bħala Johnny Cash. Kien hemm ukoll żfin mil-group Folkloristiku Xagħrin kif ukoll mix-Xaghra Historical Reenactment Organisation, fejn dawn ta’ l-aħħar immarċjat min Triq It-Tmienja u Ghoxrin ta’ April 1688 sal-Pjazza Vitoria fejn saret il-parata tradizzjonali ta’ ħġejjeġ ta’ San Ġwann mil-Gran Mastru.
Festival li qed isir matul il-jumejn tas-Sibt u l-Ħadd u joffri divertiment għal familja kollha, fejn fiċ-ċentru ta’ din il-pjazza kien hemm ikel mingħajr ħlas magħmul mit-tin. Din il-pjazza turistika hi magħrufa ukoll għall ikel bnin li toffri li dawk li ikunu għal btala fostna.