Thursday, April 25, 2024

Issir id-49 Laqgħa Ġenerali Annwali tal-BOV

Aqra wkoll

Iċ-Chairman tal-Bank of Valletta, il-Kap Eżekuttiv u d-Diretturi iltaqgħu mal-azzjonisti tal-Bank matul id-49 Laqgħa Ġenerali Annwali li ttelgħet nhar il-Ħamis 25 ta’ Mejju. Iċ-Chairman tal-Bank, Dr Gordon Cordina u l-Kap Eżekuttiv, is-Sur Kenneth Farrugia, indirizzaw lill-azzjonisti filwaqt li taw it-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet relatati mar-reżoluzzjonijiet imressqa għall-approvazzjoni.

Dr Cordina ta spjegazzjoni dettaljata tal-qagħda ekonomika attwali, f’kuntest għall-prestazzjoni finazjarja tal-Grupp BOV matul is-sena 2022 u dwar id-deċiżjoni li ttieħdet fir-rigward tad-dividend. Is-Sur Farrugia tkellem dwar it-tragwardi milħuqa mill-Bank matul is-sena finanzjarja li għaddiet filwaqt li ta ħarsa lejn l-inizjattivi strateġiċi ppjanati għal din is-sena u lil hinn.

“Bilanċ bejn rekwiżiti immedjati u aspirazzjonijiet fit-tul” – Dr Gordon Cordina

Fid-diskors tiegħu, Dr Cordina tkellem dwar ix-xenarju ekonomiku li jopera fih il-Bank, b’informazzjoni dettaljata dwar il-prestazzjoni finazjarja tal-Bank matul is-sena li għaddiet. Dr Cordina tkellem dwar it-tkabbir li esperjenzat l-ekonomija lokali, ir-rata baxxa tal-qgħad, it-tnaqqis fir-ritmu tar-rata tal-inflazzjoni, u s-saħħa li qed jesperjenza s-suq tal-propjetà. F’dan il-kuntest, ġiet enfasizzata s-saħħa tal-Bank b’karta tal-bilanċ ekwivalenti għal 80% tal-Prodott Domestiku Gross, u li qed tikber bl-istess rata tal-ekonomija. Il-Bank of Valletta jaqdi l-ħtiġijiet bankarji ta’ iktar minn 60% tal-popolazzjoni Maltija, u fil-qasam bankarju, iżomm 46% tad-depożiti, 38% tas-self fuq id-djar, u 42% tas-self għan-negozji. Dan ikompli juri l-importanza tar-rwol li għandu l-Bank fl-ekonomija Maltija.

Dr Cordina tkellem fid-dettall dwar id-deċiżjoni tal-Bank li jżomm ir-rati tal-imgħax stabbli minkejja l-pressjoni minn żieda wara oħra mill-Bank Ċentrali Ewropew. “Ix-xenarju ta’ rati ta’ imgħax għola, ġab miegħu opportunitajiet ta’ dħul għall-Bank, minn operat fit-Treasury u minn sezzjonijiet fil-portafoll tas-self marbuta mal-Euribor. Sakemm il-bank ikompli jkun sostnut minn bażi sostanjzali ta’ depożiti, m’hemmx ħtieġa li l-Bank jgħolli r-rati tal-imgħax fuq depożiti u self, b’mod partikolari hekk kif il-Bank qed jiffranka l-ispejjeż ta’ likwidità eċċessiva li qabel kienu imposti f’xenarju ta’ rati tal-imgħax negattivi.”

Dr Cordina kompla jgħid li “meta jiġi biex jissettja r-rati tal-imgħax u jiddeċiedi xi prodotti joffri, il-BOV jibqa’ kommess li jintlaħaq bilanċ ġust bejn il-partijiet kollha interessati waqt li jassigura li l-bidliet isiru b’mod gradwali u jiġu kkomunikati sewwa.”

Iċ-chairman tal-Bank semma tliet tragwardi importanti li ntlaħqu matul is-sena 2022: ir-riżoluzzjoni tal-każ Deiulemar; l-aħbar li Malta tneħħiet mill-lista l-griża mill-FATF; u l-ħruġ b’suċċess tal-Callable Senior Non-Preferred Notes fis-swieq internazzjonali.

Għall-ġejjieni, il-Bord huwaa kommess li jkabbar il-valur tal-azzjonisti, jinstab bilanċ bejn ir-rekwiżiti f’terminu ta’ żmien qasir sabiex jiġi mqassam dividend u l-aspirazzjonijiet fit-tul għal tkabbir fin-negozju f’ambjent regolatorju dejjem iżjed esiġenti. “Ninsabu ffukati li naqdu r-rwol uniku tagħna f’Malta billi niffukaw fuq l-attivitajiet ewlenin tagħna sabiex nipprovdu valur imsaħħaħ, insaħħu l-ġestjoni tar-riskju u nilħqu r-rekwiżiti regolatorji filwaqt li nissalvagwardjaw ir-reputazzjoni u nixprunaw prattiċi tajbin fl-ESG.”

“Inkomplu nibnu fuq is-sisien sodi” – Kenneth Farrugia

Fl-intervent tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, is-Sur Kenneth Farrugia esprima ringrazzjament lill-azzjonisti tal-Bank, lill-impjegati, u lill-membri tal-Bord u tal-Eżekuttiv għall-prestazzjoni finanzjarja li rreġistra l-Grupp matul is-sena 2022, minkejja d-diversi sfidi li oriġinaw partikolarment mill-każ Deiulemaru u mit-tneħħija ta’ Malta mill-lista l-griża tal-FATF.

Is-Sur Farrugia qal li l-Bank jinsab fit-tielet u l-aħħar sena tal-pjan strateġiku attwali u jinsab fi proċess li jiżviluppa strateġija ġdida għat-tliet snin li ġejjin. Semma diversi titjib li sar s’issa fosthom li l-Bank ħadem fuq ri-inġinerija ta’ numru ta’ proċessi sabiex itejjeb is-servizz għall-klijenti. “  Permezz ta’ diġitalizzazzjoni, diġà rajna sinjali bikrija ta’ benefiċċji permezz ta’ tkabbir fl-investimenti u fin-negozju tas-self fejn permezz ta’ soluzzjoni diġitali għas-Self fuq id-Djar, il-klijenti qed jiġu provduti b’aċċess faċli u b’servizz offrut aħjar. Inizjattivi oħra kienu jinkludu l-introduzzjoni ta’ ħinijiet tal-ftuħ estiżi f’10 fergħat u servizz ta’ priorità f’ħinijiet apposta għall-anzjani nhar ta’ Ġimgħa u Sibt.”

Semma wkoll bosta titjib f’diversi punti ta’ interazzjoni mal-klijenti. “Il-programm ta’ rinnovazzjoni tal-fergħat tagħna, beda fl-2021 u issa qed jaqbad ritmu mgħaġġel. Ħames fergħat ġew rinnovati b’mod sħiħ, b’dehra isbaħ, imqassma b’mod li jdur mal-ħtiġijiet tal-klijent u b’materjal favur l-ambjent. Se nkomplu naraw li s-servizz offrut ikun iktar rapidu u effiċjenti.

Fl-impenn tagħna li noffru iktar valur lill-klijenti, dan l-aħħar nedejna serje ta’ Sessjonijiet Edukattivi dwar l-Investimenti li għandhom iwasslu biex il-Bank jieħu rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-litteriżmu finanzjarju. B’hekk inkunu nistgħu ngħinu lill-klijenti jieħdu deċiżjonijiet infurmati meta jiġu biex jimmaniġjaw il-finanzi tagħhom. Il-Bank joffri għażla wiesgħa ta’ prodotti ta’ investiment inkluż servizz ta’ pariri professjonali minn esperti fil-qasam għall-dawk il-klijenti li jixtiequ alternattiva oħra għal depożiti tradizzjonali.” 

Is-Sur Farrugia kkummenta wkoll dwar l-inizjattivi li ttieħdu relatati mal-ESG u semma l-impenn dejjem jikber sabiex jiddaħħlu miżuri favur l-ESG fl-operat u fin-negozju tal-Bank. Il-Bank qed jimmira li jdaħħal sens ta’ responsabbiltà fil-prattiċi ta’ kuljum, fost il-klijenti, l-impjegati u partijiet oħra interessati. Is-Sur Farrugia rrefera fost l-oħrajn dwar miżuri li qed jittieħdu fil-fergħat li qed jiġu modernizzati, fejn qed jintuża materjal riċiklat u ddaħħlu sistemi ta’ dawl effiċjenti. Semma wkoll l-introduzzjoni ta’ prodotti ta’ self favur l-ambjent għall-klijenti personali u bl-istess mod, it-tnedija tal-Business Energy Loan f’Diċembru li għaddha li joffri lill-klijenti eliġibbli rata tal-imgħax sussidjata kompletament għall-kumpaniji korporattivi.

Il-programm ta’ Responsabbiltà Soċjali u Korporattiva tal-Bank, kienet inizjattiva oħra li ħalliet impatt pożittiv fuq is-soċjetà. Il-Bank offra l-appoġġ tiegħu f’diversi inizjattivi fosthom permezz tal-kampanja BOV Piggy Bank b’risq l-Istrina, ir-restawr fuq statwi fil-Knisja Ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta u r-restawr ta’ kapolavur ta’ Emvin Cremona fil-Parroċċa tal-Madonna ta’ Lourdes f’Raħal Ġdid, bil-għan li l-patrimonju nazzjonali jkompli jiġi salvagwardjat. Il-BOV kompla jkun sostenitur kbir fil-qasam tal-isport lokali permezz tal-appoġġ tiegħu fil-Kampjonat BOV Premier kif ukoll fil-kampjonati tal-Water Polo u l-Basketball. Fil-qasam edukattiv, il-Bank jagħti l-appoġġ ukoll lid-Dean’s List u l-Premju fil-Mediċina mal-Università ta’ Malta.

Kenneth Farrugia kkonkluda billi qal li t-triq ‘il quddiem għall-Bank hija li jsostni u jkompli jibni fuq is-sisien sodi li ġew imqiegħda llum. Dan l-impenn għandu jwassal lill-Bank biex isir il-Bank tal-Għażla għall-klijenti u l-Post tax-Xogħol Preferut għall-impjegati tiegħu.

Uċuħ Ġodda fuq il-Bord

Peress li Antonio Piras għażel li ma jerġax jikkontesta l-ħatra ta’ Direttur Mhux Eżekuttiv matul din il-Laqgħa Ġenerali Annwali, UniCredit S.p.A li huma t-tieni l-akbar azzjonist tal-Grupp, użaw id-dritt tagħhom li jappuntaw Direttur Mhux Eżekuttiv minfloku. F’dan ir-rigward ġie maħtur is-Sur Nicola Angeli għal dan ir-rwol. L-appuntament tas-Sur Angeli huwa suġġett għal approvazzjoni regolatorja u għaldaqstant id-data tal-ħatra tiġi effettiva mad-data tal-istess approvazzjoni.

Intant, inħoloq ukoll post battal fuq il-Bord, għar-rwol ta’ Direttur Mhux Eżekuttiv, hekk kif is-Sur Alfred Lupi għażel li ma jikkontestax għall-ħatra. Wara li saret sejħa għan-nominazzjonijiet, il-Bank irċieva nominazzjoni waħda valida għall-ħatra ta’ direttur. In-nominat, Dr Robert Suban tqies mill-Kumitat tan-Nominazzjonijiet u r-Rimunerazzjoni tal-Bank bħala kompetenti u idoneu biex jaġixxi bħala Direttur Mhux Eżekuttiv tal-Bank. Fid-dawl tal-fatt li kien hemm biss persuna waħda nominata għall-post vakanti wieħed disponibbli, ma kienx hemm bżonn li ssir elezzjoni.

Kompożizzjoni tal-Bord

GORDON CORDINA DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV U CHAIRMAN

NICOLA ANGELI* DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV

KEVIN J. BORG DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV

DIANE BUGEJA DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV

ELIZABETH CAMILLERI DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV 

JAMES GRECH DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV 

KENNETH FARRUGIA DIRETTUR EŻEKUTTIV 

ANITA MANGION DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV

DEBORAH SCHEMBRI DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV

ROBERT SUBAN DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV

GODFREY SWAIN DIRETTUR MHUX EŻEKUTTIV

Sport