Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet saret il-lejla ta’ preżentazzjoni organizzata mill-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi fejn ġie mmarkat tmiem l-istaġun tas-sena 2025. F’din is-serata ġew ippreżentati t-trofej lir-rebbieħa ta’ diversi kategoriji li ħadu sehem fil-kompetizzjonijiet organizzati bejn Marzu u Novembru.
L-iktar trofew prestiġġjuż, iġifieri t-Tazza tal-Anġlu ġie mirbuħ minn Buġibba b’St Peter’s Żabbar li kienu l-finalisti
Għaxaq rebħu l-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni filwaqt li Santa Venera u Qormi San Ġorġ rebħu t-tieni u t-tielet diviżjoni rispettivament.
Fil-kompetizzjoni wieħed kontra wieħed, kien Roderick Abela li rebaħ it-tazza b’Joseph Tabone li spiċċa fit-tieni post.
Fit-tnejn kontra tnejn, kienu Żebbuġ li ħadu l-ewwel post b’Għaxaq li spiċċaw fit-tieni pożizzjoni.
Żebbuġ kienu brillanti ukoll fiċ-Charity Cup meta rebħu lil Għaxaq li min-naħa tagħhom ikkuntentaw bit-tieni post. Mill-banda l-oħra, Santa Venera rebħu l-kompetizzjoni taċ-Charity Cup tat-tieni u t-tielet diviżjoni bil-finalisti li jkunu l-Isla.
Is-Super Cup ġie mirbuħa minn St Peter’s Żabbar bil-finalisti li jkunu Għaxaq.
Fil-kampjonat tar-reserves, Żejtun rebħu l-ewwel diviżjoni, Birżebbuġa kisbu suċċess fit-tieni diviżjoni filwaqt li Qormi San Ġorġ ħadu t-tazza tat-tielet diviżjoni.
Fil-kampjonati taż-żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena, Għaxaq spiċċaw fl-ewwel post filwaqt li Żebbuġ temmew fit-tieni post.
It-trofej u l-midalji lir-rebbieħa ġew ippreżentati mill-president tal-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi Clinton John Saliba.

