Friday, December 27, 2024

Issir is-serata ta’ unuri tal-MAFA

Aqra wkoll

Il-Malta Amateur Football Assocation organizzat is-serata annwali tal-unuri l-Ġimgħa filgħaxija fejn klabbs u plejers ġew ippremjati għal dak li rnexxielhom jagħmlu tul l-istaġun li għadu kemm spiċċa.

Senglea Gunners rebħu l-Mochika MAFA L-Ewwel Diviżioni filwaqt li Swieqi Braves rebħu t-tieni diviżjoni b’Għaxaq Wolves li kellhom suċċess fit-tielet diviżjoni.

Lamin Jaiteh ta’ Senglea Gunners spiċċa l-aqwa skorer tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni bi 11-il gowl, Mohammed Abdoukadir ta’ Valletta Stars skorja l-iktar gowls fit-tieni diviżjoni b’total ta’ għaxar gowls filwaqt li Diego Fernando Pereira rebaħ il-lista tal-aqwa skorers fit-tielet diviżjoni bi tmien gowls.

Marsa St Michael, Valletta Stars St Dominic u Ħamrun Amateurs rebħu l-Fair Play Award bil-Marsin jieħdu wkoll trofew speċjali għall-aqwa kondotta.

Lamin Jaiteh kompla jirbaħ aktar trofej hekk kif kien ivvutat bħala l-aqwa plejer tas-sena tal-Ewwel Diviżjoni, Eder Pacagnella ta’ Swieqi Braves kien l-aqwa plejer tat-tieni diviżjoni b’Carl Dalli ta’ Għaxaq Wolves li kellu suċċess fit-tielet diviżjoni.

Sadanittant il-goalkeeper ta’ Senglea Gunners Ludvic Fardell ingħata trofew speċjali hekk kif ilu 30 sena jilgħab fil-kampjonati tal-MAFA filwaqt li Denis Laferla ta’ Valletta Stars St Dominic ingħata l-unur ta’ wieħed mill-iktar uffiċjali antiki fil-MAFA.

F’diskors qasir, il-president tal-MAFA Salvu Borg irringrazzja lill-klabbs li pparteċipaw tul dan l-istaġun u sostna li l-livell ta’ logħob muri kien wieħed verament għoli. Hu saħaq ukoll fuq il-kunċett tad-djalogu li jwassal sabiex dik li hu sejjaħ familja fil-MAFA tkompli tissaħħaħ.

Il-viċi-president tal-MFA Adrian Casha faħħar l-impenn tal-MAFA li tagħti spazju għall-plejers li jilagħbu fuq livell ta’ amateur u sostna li l-MFA tappoġġja lil dawn it-tip ta’ assoċjazzjonijiet li jagħtu ċ-ċans lil kulħadd jilgħab il-logħba sabiħa tal-futbol.

Ekonomija

Sport