Monday, April 29, 2024

Issir it-tnedija tal-ktieb ‘China in Maltese Eyes’ miċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta

Aqra wkoll

Il-Ħamis, 25 ta’ Ottubru, iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta flimkien ma’ Heritage Malta organizzaw it-tnedija tal-ktieb ‘China in Maltese Eyes’ fil-Gran Salon tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija. Il-ktieb huwa ġabra ta’ esperjenzi uniċi u diversi ta’ Maltin minn kull qasam tal-ħajja, inklużi uffiċjali, artisti, studjużi, ġurnalisti u studenti, li kellhom il-privileġġ li jesploraw iċ-Ċina.

Peng Yijun, Chargé d’Affaires tal-Ambaxxata tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal Malta, faħħar l-isforzi kollaborattivi bejn iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta u Heritage Malta sabiex jiġi ppubblikat dan il-ktieb. Huwa stqarr li n-narrattivi f’din il-pubblikazzjoni mhux biss jitfgħu dawl fuq il-wirt kulturali profond u s-sbuħija taċ-Ċina iżda joffru wkoll perspettivi uniċi u ta’ valur. Huwa jispera li dan il-ktieb ser iservi biex jispira aktar ċittadini Maltin jesploraw iċ-Ċina.

Albert Marshall, President Eżekuttiv tal-Kunsill tal-Arti, u wieħed mill-kontributuri tal-ktieb, faħħar l-idea wara dan il-proġett li jista’ jitqies bħala pont bejn iż-żewġ pajjiżi. Bħala wieħed li dejjem fittex li jippromwovi opportunitajiet ta’ skambji kulturali bejn Malta u ċ-Ċina, billi juża ċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta bħala katalist ħalli jikseb riżultati konkreti, kien kuntent li jagħti sehmu f’dan il-ktieb li ser isaħħaħ ir-rabtiet sodi bejn iż-żewġ pajjiżi. Marshall attenda għal din it-tnedija f’isem Dr Owen Bonnici, Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.

Mario Cutajar, Chairman ta’ Heritage Malta, qal li din il-pubblikazzjoni kienet kollaborazzjoni oħra siewja bejn l-Aġenzija u ċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta. Huwa fakkar fl-ewwel żjara tiegħu fiċ-Ċina fl-2007 meta ħa lill-Gwerrieri tat-Terracotta lura f’Xi’an wara li kienu esebiti fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta. Dakinhar kien impressjonat miċ-Ċina iżda dan ma kien xejn meta mqabbel mal-ammirazzjoni li ħass wara li ra l-iżvilupp enormi li kienet għaddiet minnu ċ-Ċina matul iż-żjara riċenti tiegħu f’Settembru li għadda. Stqarr li peress li l-kulturi ta’ Malta u ċ-Ċina huma ferm differenti, ktieb bħal ‘China in Maltese Eyes’ jgħin biex iwassal aktar għarfien dwar dan il-pajjiż sabiħ. Huwa saħaq ukoll fuq l-importanza u r-rwol uniku tal-kultura fil-promozzjoni tal-fehim reċiproku u l-ħbiberija bejn il-popli.

Yuan Yuan, Direttriċi taċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta, irrimarkat li n-narrattivi tal-kontributuri ta’ dan il-ktieb kollha tkellmu dwar il-wirt kulturali notevoli, il-pajsaġġi uniċi u l-ispirtu profond taċ-Ċina. Permezz ta’ perspettivi distinti, huma mhux biss jenfasizzaw l-apprezzament kondiviż għall-kultura u l-istorja li jgħaqqad iż-żewġ popli taċ-Ċina u Malta, iżda jservu wkoll bħala xhieda tal-ħbiberija u l-kooperazzjoni dejjiema bejn iż-żewġ pajjiżi.

Fiona Vella, l-editur ta’ dan il-ktieb u waħda mill-kontributuri, spjegat kif din l-inizjattiva, appoġġjata bis-sħiħ minn żewġ diretturi taċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta, Yang Xiaolong u Yuan Yuan, iffaċċjat l-isfidi kbar tal-Covid-19 sakemm eventwalment twettqet b’suċċess bi sforz kollettiv mill-partijiet kollha interessati. Għal Vella, kien privileġġ kbir u ta’ sodisfazzjon li ssegwi dan il-ktieb mill-bidu sat-tlestija tiegħu. Hija ttamat li dan il-pubblikazzjoni ser tħajjar aktar Maltin jitgħallmu dwar iċ-Ċina, u idealment, tispirahom biex jesploraw il-pajjiż personalment.

Il-ktieb ‘China in Maltese Eyes’ jinsab fil-ħwienet kollha ta’ Heritage Malta.

Sport