Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, ipparteċipat fil-laqgħa billi primarjament semgħet dak li n-nies kellhom xi jgħidu fejn enfasizzat li l-Gvern irid jisma’ l-opinjoni ta’ kulħadd. Hawn rrimarkat kif bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni diġà daħlu iktar minn 140 sottomissjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg saħqet kif il-kura paljattiva tibqa’ dejjem l-ewwel għażla, tant li d-dokument għall-konsultazzjoni nnifsu jobbliga li l-pazjent għandu jkun dejjem riferut lejn il-kura paljattiva, liema kura l-Gvern qed ifittex li jkompli jsaħħaħ tant li ppubblika strateġija għal dan il-għan għall-għaxar snin li ġejjin.
Xejnet ukoll għal kollox informazzjoni falza fl-aħħar jiem fejn kien hemm min beda jsemmi kundizzjonijiet li mhumiex fid-dokument u saħqet li d-dokument jagħmilha ċara li l-anzjanità, id-diżabilità u kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali ma jistgħu qatt ikunu raġunijiet biex persuna titlob l-ewtanasja volontarja assistita.
Il-prinċipji fid-dokument għall-konsultazzjoni pubblika jipprovdu fost oħrajn li l-ewtanasja volontarja assistita tista’ tintalab biss minn persuni li għalqu 18-il sena, li jkunu qegħdin ibatu b’marda terminali li medikament tkun ġiet iċċertifikata li ser ittemm il-ħajja tal-persuna fi żmien sitt xhur. Fost id-diversi salvagwardji proposti hemm li ser ikun meqjus bħala reat kriminali li persuna tħajjar jew iġġiegħel lil xi persuna biex titlob l-ewtanasja volontarja assistita.
Qiegħed ikun propost ukoll skrutinju rigoruż u strett minn bord regolatorju mmexxi minn eks ġudikant li jrid jagħti l-approvazzjoni finali wara perjodu ta’ riflessjoni. Fi kwalunkwe ħin, il-persuna li tkun talbet l-ewtanasja volontarja assistita tista’ tbiddel id-deċiżjoni tagħha.
Din il-konsultazzjoni pubblika hija miftuħa sat-2 ta’ Lulju 2025 u l-pubbliku huwa mħeġġeġ jipparteċipa u jgħaddi l-kummenti tiegħu fuq is-sit fuq www.facts.gov.mt jew fil-laqgħat fil-komunità li jmiss bil-laqgħat issa se jsiru f’Għawdex u fil-Mosta.