Fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta dalgħodu saret il-quddiesa tal-ordinazzjoni djakonali ta’ żewġ seminaristi mill-Arċisqof Charles Jude Scicluna.
Fl-omelija, l-Arċisqof spjega liż-żewġ djakni li Alla qed isejħilhom ħbieb tiegħu mhux ‘qaddejja li ma jafux x’inhu jagħmel sidhom’. Huwa spjega li l-ordinazzjoni mhix kwistjoni ta’ titlu, imma ta’ vokazzjoni fil-veru sens tal-kelma. Sejħa li huma jidħlu f’intimità tant kbira ma’ Ġesù li jkunu ħbieb tiegħu. “Il-ħabib hu dak li jħobb u jaf li hu maħbub. Iħobb għax jaf li hu maħbub”, żied Scicluna.
Mons. Arċisqof stedinhom ukoll ikunu denji tal-għażla li għamel Ġesù meta sejħilhom għal din il-vokazzjoni, u “billi bħalma qiegħda titlob għalikom il-Knisja llum, teżerċitaw il-qadi tagħkom, is-servizz tagħkom b’qalb ħelwa, bil-manswetudni, u żżommu sħaħ sal-aħħar fit-talb. Din hi t-talba tal-Knisja fuqkom illum”.
Iż-żewġ djakni huma: Malcolm John Saliba mill-Parroċċa ta’ Santa Marija Mtellgħa s-Sema, Ħ’Attard; u Karl Andrew Schembri mill-Parroċċa tat-Twelid tal-Verġni Marija, il-Mellieħa.