Sunday, November 24, 2024

Issir protesta oħra quddiem il-Parlament biex “jitwaqqaf l-ġenoċidju f’Gaza”

Aqra wkoll

“Il-Palestinjani f’Gaza qed jiġu mmassakrati mill-Iżrael bil-kompliċità tal-Ewropa. Bumbardamenti bla waqfien wasslu għal eluf ta’ tfal, nisa u rġiel maqtula brutalment. U Gaza qed tmut ukoll bil-għatx, bil-ġuħ u bid-disperazzjoni wara li l-Iżrael waqqaf id-dħul tal-ilma, l-ikel u l-fuel.” Hekk qalu l-moviment Graffitti fi stqarrija li ħarġu wara li ġiet organizzata protesta oħra quddiem il-bini tal-Parlament fil-Belt.

L-istqarrija tkompli tgħid li “llum inġbarna quddiem il-Parlament, il-Belt Valletta, inxteħitna mal-art b’solidarjetà man-nies f’Gaża li huma l-vittimi ta’ ħruxija li lanqas biss nistgħu nimmaġinaw.”

Huma qalu li Gaża hija strixxa t’art id-daqs ta’ Malta, mibdula f’ħabs mill-Iżrael fl-2007. Fiha jgħixu madwar żewġ miljun u nofs Palesintjan, ħafna minnhom refuġjati li kienu tkeċċew mill-artijiet tagħhom bil-forza fl-1948 meta nħoloq l-istat Iżraeljan.

Il-Graffitti waqt il-protesta sostnew li għal 75 snin sħaħ, l-Iżrael keċċa lill-Palestinjani minn djarhom u implimenta sistema ta’ apartheid. U anka fl-aħħar żewġ irkejjen li fadlilhom – Gaża u x-Xatt tal-Punent – l-Iżrael komplja jassedjahom u jikkolonizzahom. Imma issa l-Iżrael għadda għall-fażi li jmiss. Ġenoċidju.

“Qatt daqs bħalissa ma hija meħtieġa s-solidarejta internazzjonali mal-poplu Palestinjan. L-Ewropa għandha titlob minnufih għall-waqfien tal-attakki fuq Gaża u timponi sanzjonijiet fuq l-Iżrael sakemm dan jibqa’ jokkupa l-artijiet Palestinjani,” itemm tgħid l-istqarrija tal-Moviment Graffitti.

Sport