Saturday, December 21, 2024

Issofri ġrieħi serji wara ħabta bejn karozza u mutur fis-Swieqi

Aqra wkoll

Mara Taljana ta’ 25 sena residenti n-Naxxar, qiegħda ssofri minn ġrieħi serji wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku fis-Swieqi.

Kienu għall-ħabta tas-7.30 a.m., x’ħin il-Pulizija ġiet infurmata permezz ta’ telefonata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq Sant’ Andrija, fis- Swieqi minħabba li kienet seħħet ħabta.

Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li seħħet ħabta bejn vettura tal-għamla Renault Clio, li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 27 sena residenti l-Mosta, u mutur tal-għamla Royal Enfield, li kien qed jinstaq minn raġel ta’ 32 sena residenti n-Naxxar.

It-Taljana kienet passiġġiera fuq il-mutur fil-ħin tal-ħabta.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna, kif ukoll ambulanza li ħadet lix-xufier tal- mutur u lit-Taljana l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard, ir-raġel ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ħfief filwaqt li l-mara ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi serji.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Claire-Louise Stafrace Zammit li ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-Inkjesta li ġiet appuntata.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan rigward dan il-każ għadhom għaddejjin.

Ekonomija

Sport