Il-fundatur tat-taqsima tal-evakwazzjoni medika “Angels of Taira” Yuliia Paievska tkellmet dwar kif b’mod mill-aktar inuman ir-Russi qed jittorturaw lill-poplu Ukren.
Hi nnifisha ġiet maħtufa minn suldati Russi u spiċċat il-ħabs fis-16 ta’ Marzu fejn damet tliet xhur sħaħ. Dan wara li ddokumentat il-ħidma tagħha waqt l-attakk f’Mariupol permezz ta’ bodycam u rnexxielha toħroġ filmati barra mill-belt bl-għajnuna ta’ uffiċjali u reporters internazzjonali jum biss qabel hi u xufier tal-ambulanza ġew maqbudin waqt li kienu qed jassistu ċittadin li ndarab hu u jaħarab mill-attakk. Hija saħansitra spiċċat użata f’filmati ta’ propoganda maħruġin mir-Russi fejn ġiet akkużata b’assoċjazzjoni man-Nazi fost kriminalità oħra.
Dwar dan hija allegat li ladarba tispiċċa taħt idejhom, ir-Russi kapaċi jivvintaw l-istejjer tagħhom u jisfurzawk tammetti xi ħaġa li ma tkunx għamilt.
Rigward it-tortura Paievska qalet li meta jittorturaw bl-elettriku, u tħoss il-kurrent jixxukkjalek ġismek tibda tirrealizza li d-dinja verament qiegħda tintemm. Filwaqt li aċċennat għall-fatt li l-Unjoni Ewropea għenet ħafna lill-Ukrajna, ir-realtà hija li ħafna miċ-ċittadini għadhom qegħdin jiġu ttorturati, jitħallew ibatu l-ġuħ, mingħajr ebda mediċini u mingħajr ebda forma ta’ regolamenti dwar trattament fil-ħabs fejn jinsabu ostaġġi.
Hija tenniet tappella għall-ġustizzja ma’ niesha u l-bżonn li bħala pajjiż jibnu kemm jista’ jkun malajr dak li kissrulhom. Sostniet li l-ebda somma mhi se ġġib lura lil dawk kollha li sfaw ittorturati jew maqtulin f’din l-invażjoni. Skontha l-ebda pajjiż mhu sigur quddiem l-ebusija tar-ras li qiegħda turi r-Russja u li f’dan l-istadju din tista’ tkun biss passi bogħod milli tattakka kwalunkwe pajjiż ieħor.