Friday, November 15, 2024

“Issuspettajt biss li mhux leġittimu għall-fatt li qalli li ma setax jgħaddini ma’ xi ħadd li jitkellem bil-Malti”

Matthaeus Grasso dwar telefonata qarrieqa li rċieva fl-aħħar sigħat ... il-BOV ħarġet twissija għall-klijenti tagħha

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta (BOV) għadha kemm ħarġet twissija għall-klijenti tagħha fejn talbithom biex joqogħdu attenti minn telefonati qarrieqa li qed isiru minn persuni mhux awtorizzati taparsi huma impjegati tal-imsemmi bank.

Fl-aħħar sigħat, fost dawk milquta minn dan il-fenomenu kien hemm Matthaeus Grasso. F’kitba li qasam fuq il-midja soċjali huwa spjega li rċieva telefonata minn fuq in-numru 21312020; numru li s-soltu jintuża minn dan il-bank. Huwa qal li l-unika raġuni li għenitu jiddetermina fi żgur li kienet telefonata qarrieqa hija minħabba li l-persuna li kellmitu “Ma kellimnix bil-Malti u qalli li ma setax jgħaddini ma’ xi ħadd li jitkellem bil-Malti”.

Il-persuni li qed jaqgħu vittmi ta’ dan qed jiġu mgħarrfa mingħand il-frodisti li “Sarulhom tranżazzjonijiet suspettużi mill-cards jew l-accounts tagħhom”, kompliet tgħid l-istqarrija tal-bank. Il-BOV qal li dan mhu xejn għajr tattika tal-frodisti bil-għan li ġġiegħel lill-vittmi jieħdu “azzjoni” fejn kawża ta’ dan jipprovdu informazzjoni sensittiva lill-frodisti, bħal: numru tal-kont bankarju, passwords, dettalji tal-card, jew agħar minn hekk jawtorizzaw xi tranżazzjoni finanzjarja.

Filwaqt li saħaq dwar l-importanza li għall-ebda raġuni m’għandha tingħata informazzjoni sensittiva waqt telefonata jew permezz ta’ xi ħolqa li tkun intbagħtitilhom f’SMS, il-BOV fakkar li l-impjegati qatt ma jitolbu lill-klijenti tagħhom dawn id-dettalji li ġejjin: in-numru sħiħ tal-kont bankarju jew tal-card, it-tliet digits li jkun hemm fuq wara tal-card (CVV), codes, firem, passwords jew il-multi-factor authentication.

Ekonomija

Sport