Saturday, December 21, 2024

ISTANZI U ĦSIBIJIET

Lorna Vassallo

Aqra wkoll

Il-ġimgħa l-oħra f’xi punt ħsibt dwar is-suġġetti li qed nikteb dwarhom reċentement. Jekk hux jien tbiddilt bħala kittieba, jew jekk hux iċ-ċirkustanzi ta’ madwari. Innutajt illi qed nagħti dejjem inqas importanza lill-oppożizzjoni u ftit li xejn qed nikkritikaha. Minflok spiċċajt nikkritika ’l gvern. Għal darb’oħra donni ħassejt li qed inkun wisq negattiva fil-pożittiv. Li qed infittex ix-xagħra fl-għaġina. Iżda kkonkludejt illi mhux jien tbiddilt imma ċ-ċirkustanzi. Naħseb li m’għadnix nikkritika lill-oppożizzjoni għaliex m’iniex imdorrija nikkritika lill-moribond. Lil bniedem b’saħħtu mimli ħajja tgħajru, tikkritikah u taffaċċjah. Lil bniedem marid xorta forsi tistmerru u tikkundannah. Iżda lill-bniedem moribond, li għad fadallu ftit tama, inħallih kwiet anke frott il-ħasra. Hija sfortuna illi l-oppożizzjoni Maltija spiċċat f’dan l-istadju. Li ftit li xejn saħansitra qed taħdem, apparti li xi kultant tagħmel il-bsaten fir-roti biex twaqqaf il-Parlament.

F’artikli passati fi żminijiet fejn l-oppożizzjoni kienet fil-gvern mhux l-ewwel darba sejjaħt lill-gvern ‘anti-oppożizzjoni’. Gvern li minflok jistinka ’l quddiem biex jimplimenta l-manifest elettorali u wegħdiet politiċi tiegħu, jaħli nofs l-enerġija jikkumbatti lill-oppożizzjoni laburista. Illum li l-PN qiegħed fl-oppożizzjoni u xogħlu huwa proprju li jikkritika lill-gvern, lanqas dik mhuwa jagħmel eżattament. Jew inkella flok dak li jagħmel huwa utli għall-pajjiż jinħela fuq li jtawwal proċess li fuqhom hija fondata s-saltna tad-dritt u fuq li jostakola lill-gvern u lill-proċess demokratiku.

Barranin f’pajjiżna

Forsi mit-titlu wieħed jaħseb li sejra nitkellem dwar l-influss ta’ barranin li bħalissa ġejjin jaħdmu ġewwa pajjiżna u li mingħajrhom l-ekonomija qajla tista’ tkompli tikber. Forsi jkun hemm min jaħseb ukoll li se nitkellem dwar l-ilsien Malti. Xejn minn dan kollu. 

Kellimt bniedem barrani din il-ġimgħa. Qalli li jibża’ jsuq Malta speċjalment billi nsuqu fuq ix-xellug. Dlonk għedtlu li aħna l-Maltin ftit li xejn ninsabu f’sitwazzjoni aħjar minnu billi tant qed jinbidlu toroq u direzzjonijiet li jekk ikun ilek ftit xhur ma tgħaddi minn triq trid toqgħod ferm attent għax titfixkel bl-iżvilupp li kontinwament għaddej u minħabba r-ritmu li għaddej bih. Sakemm tidra triq, issir oħra.

Hija sfortuna wkoll illi dan kollu qed isir issa għax qabel biex nagħmlu triq konna ndumu s-snin.

Din il-ġimgħa kont in-naħa tal-ajruport. Malli wasalt ħdejn il-proġett il-ġdid qgħadt b’seba’ għajnejn. Tfixkilt xorta u bil-kalma kollha dort minn taħt il-mina biex nerġa’ lura għall-ajruport. Xħin dħalt fl-ajruport erġajt tfixkilt u minflok bqajt dieħla, kelli nniżżel lill-passiġġier u noħroġ mill-ajruport għax dik kienet l-eħfef triq.

Dil-ġimgħa filgħodu beda xogħol ġewwa l-Imsida/Gżira ħdejn l-‘iskateboard park’. Però l-għada kien diġà ttaffa ħafna mit-traffiku jew għax xi triq daritilha direzzjoni kontra jew minħabba devjazzjonijiet f’toroq tal-madwar. Ovvjament dan huwa biss preludju għax-xhur li ġejjin fl-Imsida li se jkun il-pjattaforma ta’ proġett maġġuri.

Iva, fis-sewqan, nistgħu ngħidu li sirna barranin f’pajjiżna. Trid taħsibha sew qabel tibdel il-karreġġjata għax f’qasir żmien tista’ ssib toroq ferm differenti minn kif rajthom id-darba ta’ qabel.

Min-naħa l-oħra, sabiħ tisma’ lin-nies jikkonfermawlek illi x-xogħlijiet qed jitkomplew anke billejl għalkemm ftit li xejn għadna niskantaw li dan isir. Kultant żmien, jien ukoll nidħol fil-paġna ta’ Facebook jew fis-sit elettroniku ta’ Infrastructure Malta biex ninforma dwar toroq oħra li qed isiru fl-irħula li forsi ma nafx bihom jien. U ngħid id-dritt nitpaxxa nara l-progress.

L-appell tiegħi jibqa’ wieħed. Importanti nsuqu bil-galbu u ma nassumux li t-triq għadha kif kienet. Nemmen li dan huwa fattur li qed iżid l-inċidenti fit-toroq: ironikament, toroq lixxi u tajbin versus toroq mimlija ħofor fejn ikollok tagħfas il-brejk bla ma trid.

Trasport alternattiv

Fid-dawl tal-proġett tal-Imsida, li jista’ jwassal għal konġestjoni kbira, qiegħed jaħseb il-gvern biex jagħmel ‘park & ride’ għad-dgħajsa bejn tas-Sliema u l-Belt? Jiġifieri pereżempju ‘park & ride’ Pembroke b’minibuses li jniżżluk ħdejn id-dgħajsa tas-Sliema biex kemm titla’ u tmur il-Belt? Qiegħed jaħseb biex joffri wkoll prezzijiet irħas ta’ din id-dgħajsa biex iħajjar iktar nies jużawha għallinqas waqt li l-Imsida tkun magħluqa? Qiegħed jaħseb għal dgħajjes iktar kmieni biex jaqdu lill-ħaddiema tal-Belt? Qiegħed jaħseb għal ‘park & ride’ mill-moll tad-dgħajsa l-Belt għaċ-ċentru u postijiet mad-dawra tal-Belt u l-Furjana biex min hu anzjan, mgħobbi, bil-‘pushchair’, bit-tfal żgħar mexjin miegħu jew bit-takkuna jagħżel li juża dan il-mezz ta’ trasport ukoll?

Tajjeb li naħsbu f’dan it-trasport alternattiv li jkun disponibbli almenu temporanjament u nwessgħu kemm nistgħu l-ispettru ta’ passiġġieri li jużawh.

Awgurji: Nawguraw lill-PM Robert Abela fl-okkażjoni tal-anniversarju ta’ għeluq it-tliet snin fil-kariga tiegħu. Nawgurawlu ħafna snin iktar u nirringrazzjawh tal-ħidma li żżomm lil pajjiżna fil-quċċata.

Għal kummenti jew suġġerimenti www.facebook.com/lejnmaltaaaa 

Ekonomija

Sport