Iktar minn 300 student li kienu ġew maħtufin il-ġimgħa li għaddiet fin-Niġerja reġgħu rritornaw lejn il-kapitali tal-istat Katisna fost iċ-ċelebrazzjonijiet wara li sar magħruf li dawn inħelsu.
Ritratti li dehru fuq il-midja internazzjonali kienu juru wħud minn dawn l-istudenti subien li biċċiet minnhom kien għadhom lebsin l-uniformi tal-iskola. Huma twasslu permezz ta’ karozzi tal-linja u fortunatament kienu fi stat ta’ saħħa tajba.
Dawn is-subien kienu ġew maħtufa wara li persuni armati wettqu rejd fi skola tal-gvern fil-villaġġ ta’ Kankara. Dawn l-istudenti mbagħad ittieħdu bħala ostaġġi f’post fil-foresta Rugu. Il-militanti tal-Boko Haram refgħu r-responsabbiltà għal dan il-ħtif.
S’issa għadu mhux magħruf eżatt jekk l-istudenti rritornawx kollha. Min-naħa tiegħu l-Gvernatur ta’ Katsina qal li l-istudenti kollha neħslu. B’kollox kien hemm 344 student.