Thursday, February 27, 2025

It-Table Tennis huwa għal kulħadd għall-ħajja kollha – David Pace

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet il-ħajra tiegħek li tilgħab it-table tennis?

Bħal ħafna atleti nazzjonali u anke internazzjonali, l-ewwel esperjenza tiegħi kienet mid-dar ta’ biss tmien snin. Missieri kien għamel mejda tat-table tennis fil-kamra tal-ħasil fuq il-bejt, u kont inqatta’ sigħat twal nilgħab ma’ missieri. Minn età żgħira missieri kien idaħħalni fi sfidi u biex nikkompeti f’xi logħba kontrih (dak iż-żmien logħba kienet sa 21 punt, l-aħjar minn tliet sets). Kont nitlef, imma dan it-telf kien jagħtini bħal għatx biex nipprattika aktar u biex nilgħab aktar logħob b’kompetizzjonijiet kontrih. Fhimt li dan kien tip ta’ sport li jekk tirbaħ se tieħu l-glorja kollha, filwaqt li jekk titlef, hemm bżonn li tistudja lilek innifsek, titgħallem minn dik it-telfa mingħajr ma titfa’ l-ħtija fuq ħadd ħlief fuqek innifsek.

Minbarra li ħadt azzjoni immedjata lejn dan l-isports, fhimt li hija biss responsabbiltà tiegħi meta qed nikkompeti għall-punti. Wara xi ftit żmien, ta’ ħdax-il sena, bdejt nirbaħ kontra missieri u rrealizzajt li li kieku jkolli kowċ jiggwidani potenzjalment ser insir plejer aħjar. Dak iż-żmien Alex Anastasi u t-table tennis kienu sinonimi għalhekk missieri kkuntattja lil Alex li kien staqsieni biex nattendi s-sessjonijiet ta’ taħriġ tiegħu dak iż-żmien kienu f’Tigne f’Tas-Sliema. Niftakarni mmur mis-Savoy sa Tigne Barracks max-xatt ta’ Tas-Sliema biex nattendi għat-taħriġ u kont nibqa’ wkoll għas-sessjoni ta’ taħriġ tal-kbar.

Ta’ tnax-il sena rbaħt l-ewwel titlu tan-Nazzjonal Malti, il-Boys U13 National Champion. F’dik l-istess sena rbaħt il-Maltese best improved boy f’dik il-kategorija. Ta’ 16-il sena kont intgħażilt biex nirrappreżenta lil Malta f’kamp ta’ taħriġ Ewropew li kien sar fir-Renju Unit, fejn kont espost għall-aħjar subien u bniet minn madwar l-Ewropa dak iż-żmien. Insemmi lil Jean Michelle Saive, mill-Belġju li kien sar leġġenda mondjali. Minn hemm bdejt vjaġġ ta’ 45 sena mingħajr ma qatt waqaft. Anke issa, fl-età matura ta’ 55 sena nilgħab mal-klabb Enna fi Sqallija, serie C2. Nilgħab ukoll mat-tim Malti, Sharp Shot Table Tennis Academy Xiom.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala kowċ ewlieni tat-table tennis f’pajjiżna.

Napprezza u nirringrazzjak għal din il-mistoqsija tant interessanti. L-ewwel reazzjoni tiegħi hi li nwieġeb li f’dan l-irwol insib lili nnifsi nilbes diversi kpiepel. Li jien missier ta’ żewġt itfal nista’ nifhem il-problemi ta’ kuljum li jistgħu jinqalgħu, bħal eżempju, li ma tkunx tista’ tattendi t-taħriġ minħabba xi eżami, jew li ma tistax titħarreġ bl-aħjar mod minħabba sitwazzjoni fil-familja. M’iniex bl-ebda mod nissuġġerixxi li biex tkun kowċ tajjeb bilfors trid tkun missier jew omm. Naf kowċis eċċellenti li m’għandhomx tfal tagħhom infushom. Imma qed nitkellem mill-perspettiva tiegħi. Dejjem ngħożż il-mumenti u s-sena li kkowċjajt lit-tfal tiegħi, Jessica u Sacha, biex ikunu l-Malta Mixed Doubles Champions. Hija xi ħaġa tal-familja Pace! Ir-rwol tiegħi, minbarra li nsegwi programm ta’ kowċing u żvilupp, nestendi ruħi wkoll bħala mentor kull meta possibbli. Speċjalment meta jkolli tfal żgħar li huma kollha differenti, kemm fil-karattru u anke fl-età, inħossni responsabbli għall-benessere u l-istil tal-ħajja tagħhom, noffri l-għajnuna tiegħi, il-parir fuq livell personali meta mitlub minni kull tant żmien. Bħala kowċ, jiena wkoll ambaxxatur, nippromwovi t-table tennis ma’ kull opportunità li jkolli (hey Christian ma niftehmux u norganizzaw tournament għall-ġurnalist sportiva!) Fil-pożizzjoni tiegħi niġi mistoqsi ħafna fuq it-tagħmir tat-table tennis. Huwa parti mir-rwol tiegħi u wkoll ir-responsabbiltà tiegħi li niggwida lill-istudenti tiegħi jagħżlu u jixtru l-aħjar tagħmir skont l-itsandard u l-istil tal-logħob tagħhom. Bħala kowċ jiena ninvolvi wkoll ruħi biex nara individwi li jistgħu jidħlu f’dan l-isports. Dan nista’ nagħmlu permezz ta’ esebizzjonijiet fl-iskola, promozzjoni fuq il-midja soċjali, avvenimenti u wkoll promozzjonijiet privati mal-isport lokali. Filwaqt li għandi ħafna ċertifikati ta’ kowċings rikonoxxuti, nemmen bis-sħiħ li r-rwol tiegħi bħala kowċ li rrid inħalli spazju għall-iżvilupp tiegħi personali, kemm fit-teorija u anke fil-prattika. Għalhekk, dejjem nilqa’ kull opportunità sabiex inkompli nitgħallem u biex ukoll inwassal it-tagħrif u l-esperjenzi tiegħi lill-istudenti u lil sħabi. Mil-lat prattiku jiena naħdem mill-viċin ħafna ma’ kowċis mill-Ungerija u mill-Italja, filwaqt li mil-lat teoretiku inżomm ruħi aġġornat kemm billi naqra u anke billi nagħmel ir-riċerka. Ladarba jiena plejer attiv, ir-rwol tiegħi bħala kowċ jitlob ukoll li kemm jista’ jkun inkun ta’ mudell kemm bl-azzjonijiet tiegħi, kemm waqt il-logħba, u anke jekk mhux waqt il-logħba. Għalhekk, dejjem jien preparat biex nammetti l-iżbalji tiegħi, għax verament nemmen li l-iżbalji jistgħu jinbidlu f’opportunitajiet ta’ tagħlim jekk taffaċċjahom b’attitudni pożittiva.

Ir-rwol tiegħi jitlob minni wkoll li nżomm relazzjonijiet tajbin u pożittivi ma’ kowċis tat-table tennis kemm Maltin u anke internazzjonali. Nieħu din l-opportunità biex insellem u nawgura lill-kollegi viċin tiegħi. Bħala kowċ ix-xogħol tiegħi mhux limitat fejn tidħol prattika biss. Nistudja anke filmati kemm dawk lokali u anke ta’ atleti barranin biex jgħinuni għal meta niġi nippjana t-tattika fuq ix-xogħol tiegħi. Kowċ tajjeb jista’ ma jkunx tattiku tajjeb u viċi versa. Nipprova nkun effiċjenti għaż-żewġ xogħlijiet, biex meta nkun f’ambjent ta’ kompetizzjoni nkun nista’ nitkellem dwar l-istrateġija biex nassisti lill-plejers tiegħi bħala kowċ. L-irwol tiegħi bħala kowċ jitlob minni wkoll li f’xi ħin inkun assenjat biex immexxi l-iskwadra nazzjonali, kemm tan-nisa u kemm tal-irġiel. Sitwazzjoni bħal din titlob għal abilitajiet bħal dawk interpersonali, ta’ organizazzjoni, evalwazzjoni u l-abilità li tmexxi. Bħalma tista’ tara r-rwol tiegħi bħala kowċ mhuwiex status staġnat, imma proċess dinamiku u kontinwu, li meta darba ddeċidejt li nieħdu bis-serjetà, kellu bidu iżda tmiem m’għandux.

X’unuri rbaħt fil-karriera tiegħek f’dan l-isport kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna?

Ser inwieġeb din il-mistoqsija billi nsemmi xi titli li rbaħt fit-Table Tennis Nazzjonali, li għaqqadthom ma’ informazzjoni oħra dwar il-profil tiegħi.

U13 MALTA CHAMPION darbtejn / U15 MALTA CHAMPION darba / U17 MALTA CHAMPION darbtejn / MEN SENIORS MALTA VICE CHAMPION darbtejn / MENS DOUBLES MALTA CHAMPION –  partner MARK AZZOPARDI darba / MIXED DOUBLES CHAMPION –  partner JESSICA PACE & INGRID LANFRANCO darbtejn OVER 40s MALTA CHAMPION tmien darbiet /   NATIONAL LEAGUE 1ST DIVISION CHAMPION over għaxar darbiet / ITALIAN TEAMS LEAGUE CHAMPION SERIE C2 – MALTA KNIGHTS / MAINTAINED MALTA TOP EIGHT POSITION FOR OVER 15 YEARS / SICILIAN TEAM CHAMPION SERIE C2 FOR POL SPORTING CLUB CATANIA

Irrappreżentajt lill-iskwadra nazzjonali ta’ Malta diversi drabi kemm bħala Junior u anke bħala Senior. Matul is-snin irrappreżentajt lit-tim nazzjonali tat-table tennis ta’ Malta, fil-World, European u l-Mediterranean championships fiċ-Ċina fl-2008. Matul is-snin attendejt u organizzajt aktar minn 30 kampijiet ta’ taħriġ internazzjonali. Bħala kowċ mexxejt ukoll kemm atleti individwi u anke dawk nazzjonali. Għal dawn l-aħħar 15-il sena kont ukoll id-Direttur ta’ Sharp Shot Table Tennis Academy li hija magħrufa kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

Ir-responsabbiltà tiegħi hi wkoll li nieħu ħsieb seba’ timijiet li jikkompetu kemm fil-lig Malti u wkoll dawk li bħalissa jokkupaw l-ewwel, it-tieni u t-tielet pożizzjoni fit-tielet diviżjoni tal-klassifika. Kont viċi President tal-Assoċċazzjoni Nazzjonali għal tliet snin sħaħ u qabel, għal seba’ snin kont f’dan l-istess board. Riċentament ġejt maħtur fil-Federazzjoni Internazzjonali tal-Commonwealth Table Tennis. Hawnhekk se nagħmel ħilti kollha biex nikkontribwixxi għal dan l-isports fuq livell internazzjonali. L-akkademja li jiena mmexxi hija wkoll bi sħab mal-Federazzjoni Taljana meta niġu għal Table Tennis fuq barra, f’attività li tissejjaħ TTX.

Malta permezz ta’ ħidma sħiħa diġà wkoll ipparteċipat f’avvenimenti internazzjonali ta’ TTX. Fl-2022, il-kollegi tiegħi fuq il-bord nazzjonali nnominawni bħala “l-uffiċjal tas-sena” biex nirrappreżenta lil Malta Journalist Sport Awards. Bħalissa, fl-età ta’ 56 sena, jiena rreġistrat ma’ klabb tat-Table Tennis, f’Enna fi Sqallija. Għalhekk nivvjaġġa frekwenti biex immur nilgħab logħob tal-lig u biex nikkompeti fil-Coppa Italia veterans teams championships. Is-sena l-oħra kkompetejt fil-World Masters Championships f’Ruma. B’aktar minn 6,000 atleta, ma kienx faċli li nitla’ fil-podium imma li nkun l-uniku Malti ħalliet impressjoni tajba b’rebħiet kontra plejers Ġermaniżi, Norveġiżi, Brażiljani u wkoll Arġentinjani.

Kemm hu popolari mal-poplu inġenerali t-table tennis?

Kif semmejt qabel, il-World Masters kien jikkonsisti minn 6,000 atleta jikkompetu, u dawn jibdew mill-età ta’ 40 sena ’l fuq. Apparti minn hekk hemm ukoll numru kbir ta’ plejers oħra li mhumiex reġistrati ma’ xi klabb jew ma’ xi assoċċjazzjoni. F’Malta, minn dak li qed nara jiġri madwari, nista’ ngħid b’mod kunfidenti, li t-Table Tennis qed jikseb aktar popolarità sena wara sena. Inkompli billi ngħid li l-Maltin li qed jissieħbu f’dan l-isports ġejjin minn sfond differenti, mixjiet tal-ħajja differenti, u xi ħaġa interessanti li b’etajiet differenti. Nemmen li din hija taħlita sabiħa tikkonsidra li dan huwa sports ta’ kuntatt. Matul l-inkontri Nazzjonali, tifla fl-età ta’ tnax-il sena tista’ tikkompeti ma’ raġel fit-tletinijiet. Dan huwa possibbli għax dan l-isports huwa bbażat fuq l-abilità u l-opponenti qatt ma huma f’kuntatt ma’ xulxin. M’hemmx għalfejn ngħidu li waqt in-National Championships, kulħadd huwa kkategorizzat. Aktar provi kemm it-table tennis qed isir popolari huma d-diversi kategoriji li wieħed jista’ jikkompeti fihom. Nibdew minn U11, U13, U15, U19, U21, Seniors u Over 40s. Nattribwixxi l-popolarità lejn dan ix-xogħol minn diversi nies madwar Malta u Għawdex. Dawn l-indivdwi jinvestu personalment fit-tagħmir, iħallsu l-kera tal-binja, jallokaw il-ħin, jibnu s-siti u wkoll platforms tal-midja soċjali, jorganizzaw kampijiet ta’ taħriġ Internazzjonali, u ħafna affarijiet oħra.

Għalhekk filwaqt li ngħid li l-popolarità qed tikber, u wkoll fl-opinjoni tiegħi din qed tikber minħabba l-ħafna kowċis u plejers Maltin. Ngħid ukoll li t-table tennis minn dejjem kien popolari, huwa faċli li taċċessah b’mod rikreattiv, fil-Mużew, fl-iskola, f’lukandi waqt xi weekend break, fuq xi cruise jew anke f’xi djar mal-familja.

Ngħid li jekk ikollna nistaqsu għaxar min-nies jekk qattx lagħbu jew pruvaw jilagħbu t-table tennis, nassumi li sitta minnhom jirrispondu li iva. Dn huwa numru tajjeb meta tikkumpara din l-istess mistoqsija għal sports ieħor. L-imħabba, il-passjoni, id-dedikazzjoni tiegħi huma kollha lejn it-table tennis imma jiena nirrispetta kull sports ieħor, u filwaqt li nkompli ninsisti biex inkabbar it-table tennis kemm f’Malta u anke f’Għawdex, nawgura kull suċċess lil kull dixxiplina sportiva oħra eżistenti.

Kellimni dwar il-kampjonat tat-table tennis lokali. Kemm hemm plejers illi jipparteċipaw fih?

Grat li nista’ nagħti l-kelmtejn tiegħi dwar il-Kampjonat Nazzjonali Malti tat-Table Tennis. Bejn wieħed u ieħor jinvolvi madwar 200 plejer. Għal dawn l-aħħar ħames u seba’ snin il-lig attratta bejn 40 u 50 timijiet kull staġun. In-numru ta’ timijiet reġistrati qed dejjem jitla’, u dan jagħti indikazzjonijiet pożittivi ta’ żieda fil-popolarità. Kull tim irid jirreġistra minimu ta’ 4 plejers, imma huwa komuni u għaqli li kull tim jirreġistra 5 plejers. It-timijiet jilagħbu f’erba’ diviżjonijiet, l-ewwel u t-tieni diviżjoni jikkompetu t-Tnejn, filwaqt li t-tielet u r-raba’ diviżjoni jikkompetu l-Ġimgħa. Jilagħbu f’żewġ rounds u normalment jieħdu l-kalendarju sħiħ tal-istaġun b’waqfiet għall-Milied u l-Għid il-Kbir u wkoll waqfiet għal għal Ranking Tournaments individwali u National Championships.

Fl-eventwalità li r-riżultat jiġi 3-3, l-aħħar logħba tiddetermina r-rebbieħ billi jkun hemm inkontru doppju. Il-lig tagħna hu miftuħ u kemm l-irġiel u anke n-nisa jistgħu jilagħbu kontra xulxin. Fi Sqallija, eżempju, għax in-numru huwa akbar, għandhom lig speċjali għan-nisa. Xi snin ilu kont il-kowċ tat-tim tan-nisa ta’ Pol Sporting f’Katanja, li wassalthom għar-rebħa flimkien mal-atleta Maltija Jessica Pace. Nista’ wkoll ngħid li l-lig Nazzjonali huwa miftuħ għall-pubbliku biex jiġi segwit fil-University Sports Pavalion, fejn tiġi milqugħ bi tnax sa erbatax-il kort u jkollok għażla x’logħob ser tara u fejn f’ċertu okkażjonijiet tant ikunu eċitanti sal-aħħar minuta tal-logħba.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport?

Ibbażat fuq il-passat tiegħi, il-futur tiegħi żgur li se jħallini involut, bħala plejer, bħala kowċ, u wkoll bħala direttur tal-akkademja, bħala promotur, organizzatur u anke amministratur. Bla dubju, għandi kontroll fuqi nnifsi u fuq l-azzjonijiet tiegħi, imma li nikkontribwixxu f’oqsma oħra jiddependi mis-sitwazzjoni tal-isports f’dak iż-żmien, u fil-każ tat-table tennis jista’ jkun fluwidu ħafna fl-opinjoni tiegħi.

Biex it-Table Tennis f’Malta jibqa’ miexi ’l quddiem irid ikun hemm laqgħa bejn l-imħuħ ta’ nies iddedikati. L-għan komuni għandu jkun in-nazzjonal, u mhux biss kisba individwali. Imma dan mhux qed narah possibbli sfortunatament. Għaldaqstant, kif inħares lura nara suċċess, għalhekk li nara suċċess f’diversi oqsma tat-table tennis żgur li jeħtieġ li tkun fuq l-aġenda tiegħi.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk li qegħdin jaqraw din l-intervista u jixtiequ jaqbdu t-table tennis.

Dawk il-qarrejja interessati fit-table tennis il-messaġġ tiegħi hu li jersqu b’kunfidenza. Irrelevanti l-età, il-ġeneru, l-ambizzjoni u l-abilità, inti definittivament ser issib postok fil-komunità. Aktar minn hekk, tkun qed tagħmel pjaċir lilek innifsek għax tkun qed ittejjeb is-saħħa tiegħek, u wkoll għall-benefiċċji tal-fiżika u s-saħħa mentali. Dawn iż-żminijiet wieħed għandu aċċess biex jipprova u jissieħeb ma’ akkademji fil-gżira tagħna. Kemm fit-Tramuntana, Ċentrali u anke fin-Nofsinhar ta’ Malta hemm biżżejjed biex nilħqu mad-domanda. Li tfittex fuq il-midja soċjali tieħdok f’diversi platforms lokali bħalma hi Sharp Shot Table Tennis Academy, fejn wieħed jista’ wkoll jitlob xi informazzjoni, jara xi ritratti, u anke xi filmati. Trid iżżomm f’moħħok li dawk iż-żgħar li jaspiraw li jidħlu fl-isports, dawn l-akkademji jipprovdu ħafna ħinijiet u ġranet differenti għal taħriġ, opportunitajiet li jikkompetu lokalment, opportunitajiet biex jilagħbu barra minn xtutna u ħafna aktar. Iżda wieħed ma jridx jaqta’ qalbu jekk ikun jixtieq li jkun assistit bħala plejer. Is-set-up lokali jilqa’ lil kulħadd u nispiċċa l-kumment tiegħi bil-kwotazzjoni mill-islogan tal-ITTF: “It-Table Tennis huwa għal kulħadd għall-ħajja kollha!”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport