Sunday, March 16, 2025

“It-taħditiet dwar il-paċi huma l-unika triq sensibbli ‘l quddiem”- l-MEP Daniel Attard

Aqra wkoll

L-ikbar kalkolu ħażin fil-gwerra tal-Ukrajna għamlu Vladimir Putin meta ħaseb li jista’ jegħleb faċilment lill-Ukrajna u fi ftit jiem ikun qiegħed jiċċelebra fi Kiev. Ir-resistenza tal-Ukrajna madankollu kienet waħda eċċezzjonali. Il-President Zelensky, minflok ħarab, żamm sod u mexxa lil pajjiżu f’din il-ġlieda.

It-tieni l-ikbar kalkolu ħażin imbagħad sar minn Brussell. Mis-sanzjonijiet ineffettivi għall-qtugħ tar-rabtiet diplomatiċi kollha ma’ Moska, il-mexxejja Ewropej poġġew lilhom infushom f’rokna. Minkejja l-fatt li din il-gwerra kienet qed tagħmel ħsara kbira fuq l-ekonomiji tagħhom stess, dawn xorta waħda baqgħu servili għat-tmexxija tal-amminstrazzjoni ta’ Biden.

Il-Ġermanja m’għadx għandha s-saħħa ekonomika tal-passat, u ħafna nazzjonijiet Ewropej għadhom jitħabtu biex jirkupraw mill-impatt sever tal-ispejjeż tal-enerġija li aktar kemm jgħaddi żmien aktar dawn qed jogħlew.

Issa, bil-President Trump lura fil-White House, l-Ewropa ngħatat il-ġenb u t-triq lejn il-paċi qed tmexxiha l-Amerika. Il-proposta attwali ta’ 30 jum mingħajr ġlied hija pass pożittiv, madankollu dan żgur li mhux se jsolvi l-gwerra.

Jekk ir-Russja tirrifjuta, il-White House tista’ teskala l-appoġġ għall-Ukraina bil-għan li tagħmel pressjoni fuq il-Kremlin biex din tidħol fin-negozjati. Jekk Moska taċċetta l-waqfien temporanju, it-triq ’il quddiem tibqa’ waħda twila u kumplessa.

Wara tliet snin ta’ gwerra li fiha ħafna nies tilfu ħajjithom, Ursula von der Leyen, Roberta Metsola, u diversi mexxeja Ewropej mhux biss tilfu kull kontroll tan-narrattiva iżda wkoll tilfu kull tip ta’ kredibilità li seta’ kellhom.

Dan huwa l-istat tat-temxxija politika fl-Ewropa bħalissa, fejn il-futur tal-kontinent mhux qed jissawwar fi Brussell, iżda f’Jeddah u Washington.

In-nuqqas ta’ ħsieb strateġiku u l-vakum fit-tmexxija qed joħolqu rabja kbira u hawn lanqas qed insemmu lil Gaża, fejn il-falliment huwa saħansitra aktar evidenti. 

Von der Leyen u Metsola mhux biss tilfu n-narrattiva u l-kredibbiltà tagħhom hemmhekk iżda abbandunaw saħansitra l-aktar valuri morali u umani bażiċi. Lanqas biss kienu kapaċi joħorġu b’dikjarazzjoni waħda kontra Netanyahu, li l-Qorti Kriminali Internazzjonali qed tfittxu fuq reati kontra l-umanità, aħseb u ara kemm se jaslu jsejħu l-Gwerra ta’ Gaża dak li hi: ġenoċidju.

Fl-Ukrajna tul dawn l-aħħar tliet snin, l-Ewropa ħallset l-ispiża kollha – li taqbel man-nefqa tal-Amerika fuq l-armi fl-Ukraina filwaqt li ġarrbet ħsara ekonomika serja minħabba l-gwerra. Biex issa tinsab eskluża mill-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-kontinent tagħha stess. 

Fuq il-front militari, wara tliet snin iebsa, il-gwerra tinsab f’punt ta’ staġnar. 

Gwerra ta’ attrizzjoni tfisser qtil uman brutali, b’aħwa, missirijiet, u wliedhom jinqatlu ta’ kuljum. L-Ukrajna ma rkupratx territorju sinifikanti għal sentejn, u l-kisbiet tar-Russja għadhom minimi. L-esperti jistmaw li, b’dan ir-ritmu, Putin se jieħu 88 sena biex jirbaħ l-Ukraina b’mod sħiħ. 

Il-Kremlin setgħet forsi kisbet territorju fil-kamp tal-battalja iżda mbagħad żvelat n-nuqqasijiet militari tagħha — loġistika difettuża, tattiċi skaduti, u riżorsi mġebbda żżejjed. Iż-żewġ naħat għandhom kriżi ekonomika.

L-ekonomija tal-Ukrajna qed tiddependi fuq l-għajnuna tal-Punent filwaqt li tissagrifika assi naturali ta’ valur lill-Amerikani. 

Ir-Russja, minkejja s-sanzjonijiet, tkompli taħli r-riżorsi u taħraq il-flus fil-gwerra. 

Huwa ċar li l-ispiża ta’ din il-gwerra hija insostenibbli, iżda r-retorika prevalenti li ġejja minn Brussell u minn bliet kapitali Ewropej oħra hija li l-ġlied jibqa’ għaddej bla ebda tmiem. 

Il-pożizzjoni ta’ Trump “L-Amerika l-Ewwel” ħarbtet lin-NATO u lill-UE. L-Ewropa qed iżżid l-għajnuna finanzjarja u militari, iżda m’għandhiex il-kapaċità militari biex timxi waħedha. 

Iż-żieda fl-infiq għad-difiża f’ekonomiji Ewropej f’diffikultà se tixpruna biss l-inkwiet domestiku, u l-populisti se jżiduh. 

Huwa għalhekk li Malta għandha raġun meta tgħid li hija kontra aktar żidiet fil-baġit militari fl-Ukraina biex tkebbes gwerra għal dejjem. Ma jagħmel assolutament l-ebda sens.

Mingħajr appoġġ sostnut mill-Istati Uniti – mingħajr l-intelligence tagħha, mingħajr Starlink, mingħajr l-armi avvanzati tagħha – l-Ukrajna se tkun f’pożizzjoni ħafna aktar dgħajfa, irrispettivament miż-żieda fl-investiment militari tal-Ewropa. 

Il-President Trump innifsu jifhem din is-setgħa dinamika tajjeb ħafna—mingħajr l-appoġġ tal-Istati Uniti, id-difiżi tal-Ukraina se jitfarrku. Huwa għandu l-karti f’idu, u dan jagħmel il-pożizzjoni tiegħu dwar in-negozjati għall-paċi kruċjali. Dan deher ċar ħafna fil-laqgħa li seħħet fl-Oval Office mal-President Zelensky. 

It-taħditiet dwar il-paċi, diffiċli kemm jistgħu jkunu, huma l-unika triq sensibbli ‘l quddiem. 

Kif issuġġerixxa s-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti Marco Rubio, ir-ritorn lejn il-fruntieri tal-2014 huwa improbabbli fi kwalunkwe ftehim ta’ paċi realistiku. 

Jekk ir-Russja żżommx xi territorju Ukren minkejja l-aggressjoni illegali tagħha jista’ jiġi ddeterminat biss permezz ta’ negozjati – negozjati li jridu jinkludu l-Ukraina. 

Madankollu, mhuwiex diffiċli li wieħed jimmaġina xenarju fejn ir-Russja żżomm xi art. 

Dan imma huwa prezz li l-Ukreni lesti jħallsu għall-paċi? 

X’se tikkonċidi r-Russja? 

U x’garanziji teħtieġ l-Ukraina biex tevita li jkun hemm gwerra oħra fil-futur? 

Din hija deċiżjoni primarjament għall-Ukrajna, mhux għal Brussell. Hemm influwenza sinifikanti kontra l-President Putin, u jaf li jekk jonqos milli juri interess għall-paċi, l-Istati Uniti jistgħu jerġgħu jibdew jappoġġjaw lill-Ukraina sakemm ma jkollux għażla oħra. 

Filwaqt li m’hemm l-ebda ċertezza li n-negozjati se jirnexxu, l-alternattiva – gwerra bla tmiem – hija ferm agħar. 

Madankollu, l-Ewropa trid tikkonfronta r-realtà. 

Matul l-aħħar tliet snin, din eskalat il-gwerra filwaqt li ġġudikat ħażin il-pożizzjoni strateġika tagħha stess. 

Issa, l-Istati Uniti riesqa lejn taħditiet ta’ paċi u  Brussell qed tirriskja li tidher ineffettiva u politikament mingħajr setgħa. 

Iżda l-pragmatiżmu għandu jipprevali, u mhux l-ego individwali. 

Il-mexxejja Ewropej iridu jirrikonoxxu l-kalkoli żbaljati tagħhom, jitgħallmu minnhom, u jadattaw għall-ordni ġeopolitiku ġdid.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport