Thursday, October 17, 2024

It-tajjeb u l-ħażin

Aqra wkoll

Minn ALFRED SANT

Kemm ilna nissieltu mal-imxija tal-corona virus… ftit anqas minn tliet xhur għalkemm jinħassu ħafna aktar… kellna nitgħallmu kif ngħixu ħajjitna b’mod differenti… xi kultant ħafna differenti… minn kif għexniha “qabel”.

L-agħar bidla kienet dik tal-iżolament, marbuta ma’ regoli dwar id-distanza li trid iżżomm minn nies li tiltaqa’ magħhom jew tinsab qribhom.

Biex negħlbu għal dil-problema, tlaqna nużaw kemm nistgħu l-aħħar bidliet teknoloġiċi li jippermettu li n-nies tiltaqa’ mill-bogħod, biex tiddiskuti u tiddeċiedi – anke meta fin-nofs ikun hemm l-għexieren involuti, jew aktar.

Hemm it-tajjeb u l-ħażin f’li tidra taħdem mill-qrib ma’ ħaddieħor waqt li tibqa’ fil-bogħod. U għal li ġej, irridu nagħrblu sew dak li qed jiġri biex nifhmu fejn hu t-tajjeb, fejn il-ħażin. Hemm min qed jgħid li dawn il-manjieri ġodda ta’ kif tikkomunika ma’ ħaddieħor se jkun ta’ ġid kbir għal dawk li għax morda jew għal xi raġuni oħra, jħossu li twarrbu.

Oħrajn jgħidu li jekk nintelqu fit-triq tal-kumnikazzjoni elettronika, se nispiċċaw kollha iżolati, u ngħixu f’bużżieqa ta’ diskors li jħallina barranin għal xulxin. L-aktar li se jħossu dil-problema huma r-reliġjonijiet.

***

Servizzi

Mill-Indipendenza lil hawn rajna tliet tendenzi fil-bidliet li ġarrbet l-ekonomija Maltija. Tendenza waħda hi issa magħluqa, dik li biha l-bażi militari ġiet xolta għal kollox.

It-tnejn l-oħra baqgħu għaddejjin flimkien, daqqa waħda tiranka, daqqa l-oħra: l-iżvilupp tal-manifattura u dak tas-servizzi, fosthom it-turiżmu. Meta fis-snin sebgħin bdiet tiżdied il-manifattura, uħud saħqu li ma kinitx sostenibbli fiċ-ċirkostanzi ta’ gżira bħal tagħna. Rapport li kien għamel il-professur barrani Metwally qajjem furur, in parti għax resaq lejn dil-konklużjoni.

Iż-żmien donnu ta raġun lil Metwally. Fl-aħħar snin, speċjalment kemm  ilna membri tal-Unjoni Ewropea, l-ekonomija Maltija ħadet spinta kbira ’l-quddiem b’servizzi.

Imma issa qed jirriżulta wkoll li s-servizzi jafu jkunu fraġili ħafna. Dan barra milli uħud minnhom qed iqanqlu dwejjaq kontrina fost membri oħra tal-Unjoni Ewropea.

***

Bastilja

Waqt sforz biex indaħħal xi ordni fl-affarijiet u rimiżolji li nġabru f’dari matul is-snin, ħriġt minn fejn kienu nħbew żewġ CDs “antiki” tar-rockopera “Bastilja” li kienet ittellgħet fl-1989, għall-mitejn anniversarju tar-Revoluzzjoni Franċiża.

Il-mużika kienet ta’ Paul Abela, il-lirika ta’ Ray Mahoney, id-duo li kien oriġina r-rockopera “Ġensna”. “Bastilja” ma kisbitx il-popolarità tal-oħra. Xorta kellha mumenti eċċellenti fejn spikkaw ilħna ta’ kantanti Maltin tal-ogħla livell, li uħud minnhom kienu wkoll protagonisti f’“Ġensna”.

Dnub li matul it-tletin sena jew aktar li għaddew minn meta ttellgħet, “Bastilja” ntesiet u qatt ma ttellgħet aktar.  

Sport