Friday, August 15, 2025

‘It-talent hu importanti, imma x-xogħol iebes, id-dixxiplina u l-konsistenza jagħmlu d-differenza vera’ – Yannick Sultana

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi għall-futbol bdiet minn etá żgħira. Kont inħobb nara l-logħob ma’ missieri u dejjem kien jinkoraġħini biex insegwi l-isport. Bdejt nilghab meta kelli madwar 4/5 snin u minn dakinhar ‘l hawn, tħabbibt mal-logħba u l-futbol spiċċa sar passjoni għalija aktar milli passatemp! 

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Kalkara United FC.

L-esperjenza tiegħi mal-Kalkara jien personali niddeskriviha bħala waħda pożittiva. Huwa klabb li dejjem sibt rispett u għajnuna mingħandu. Klabb li jemmen fit-talent taż-żgħażagħ u jħeġġeġ l-ispirtu tat-tim. Kbirt bħala plejer u anke bħala persuna grazzi għall-kumitat, kowċis u sħabi fit-tim. 

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?

L-istaġun li għadda kellu l-isfidi tiegħu, imma wkoll ħafna aspetti pożittivi. Kellna mumenti fejn urejna prestazzjoni b’saħħitha u ħidma tajba bħala tim u ovvjament dejjem hemm fejn titjieb imma kburi ħafna bit-tim li baqa’ magħqud anke fi żminijiet diffiċli. Nemmen li bnejna bażi tajba għall-istagin li jmiss.

Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?

Anke jekk ma ksibniex il-promozzjoni matul l-istaġun li għadda, xorta kellna staġun b’saħħtu bħala tim. Din is-sena aħna aktar determinati bil-kowċis u l-kumitat jaħdmu bla heda, u aħna l-plejers lesti li nimbuttaw lilna nfusna sal-limitu. Bit-taħlita ta’ plejers attwali u ġodda, aħna fiduċjużi li nistgħu nilħqu l-għanijiet tagħna!

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Il-futbol Malti żdied fil-livell f’dawn l-aħħar snin kemm fir-rigward tat-talent li qed jiżviluppa kif ukoll fil-kompetizzjoni. Qed issir aktar enfażi fuq it-tfal u ż-zgħażagħ, b’taħrig aħjar u struttura aktar professjonali. Hemm bżonn aktar xogħol, speċjalment f’termini ta’ faċilitajiet u investiment, imma ż-żieda fil-kwalità hija ċara.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Xi faċilitajiet huma tajbin, imma hemm bżonn ċerti tibdiliet f’ħafna minnhom. Biex plejer jiżviluppa kif suppost, hemm bżonn ta’ pitches u ambjent tajjeb għat-taħriġ. Faċilitajiet aħjar jgħinu biex jitla’ l-livell tal-logħba fil-pajjiż.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Bħalissa qed nieħu l-futbol sena b’sena. Qed nipprova nagħmel kull staġun jgħodd, bħal donnu hu l-aħħar wieħed. Nahdem bsahti , inkun dedikat u dixxiplinat. Dawn mhux biss jgħinuni fil-futbol, imma anke barra mill-grawnd u fil-ħajja ta’ kuljum.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed sempliċi: emmen fik innifsek. It-talent hu importanti, imma x-xogħol iebes, id-dixxiplina u l-konsistenza jagħmlu d-differenza vera. Ibqa’ ffukat, ħu pjacir, u l-futbol jagħtik ħafna esperjenzi sbieħ!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport