Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn etá żgħira ħafna dejjem kont miġbud lejn il-futbol. Dejjem kont niġri b’xi ballun jew nara logħba futbol li tkun fuq it-televixin. Kien jogħġobni kull aspett tal-logħba … kont ninnota kollox u baqgħet tikber l-imħabba tiegħi lejn il-logħba iżjed kemm għadda żmien.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Sirens FC.
Wara li kkuntattjani l-kowċ Steve D’Amato biex nerġa’ ningħaqad ma’ Sirens FC, ridt nieħu l-opportunitá li nerġa’ naħdem mat-tim li bdejna l-esperjenza tagħna flimkien is-sena l-oħra u nżidu ma’ dak li għamilna s-sena l-oħra. Nemmen li bilgħaqal u b’ħidma fil-kwiet jista’ jkollna staġun pożittiv immens.
X’tikkummenta fuql-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?
Is-sena l-oħra bdejna b’ritmu tajjeb ħafna li tefgħatna f’pożizzjoni promettenti ħafna lejn il-promozzjoni wara tliet xhur. B’iktar galbu u ħsieb fil-logħob li ġew wara Diċembru nemmen li l-affarijiet setgħu wassluna f’pożizzjoni aħjar fiċ-Challenge League.
Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?
L-istaġun li ġej nemmen li se jkun wieħed pożittiv ħafna. Jidher li għamilna xi akkwisti li huma ta’ valur u ninsabu ħerqanin biex tasal l-ewwel logħba tal-kampjonat.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Steve D’Amato?
Il-kowċ Steve D’Amato huwa kowċ bravu ħafna u fuq kollox ġentlom. Din hija t-tielet sena b’ħidma miegħu u huwa kowċ bi stil ċar u b’direzzjoni ċara ta’ kif irid it-tim tiegħu jilgħab u jġib is-suċċess fil-grawnd.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-livell tal-futbol Malti qed iżid peró baqa’ ħafna xi jsir biex jitqies livell għoli. Nemmen li b’iktar għaqal fl-investiment li jsir fil-futbol Malti kapaċi naħdmu ħafna aħjar u ntejbu l-livell ħafna iżjed.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Rigward fejn nitħarrġu m’hemmx xi tgerger għaliex is-Sirens Stadium huwa wieħed mill-aħjar stadia li hawn Malta. Bil-bidla tal-grawnd tal-Victor Tedesco Stadium u s-Centenary Stadium, nemmen li huma grawnds sodisfaċenti biex nilagħbu fihom fiċ-Challenge League.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?
Ovvjament għalissa m’għandix intenzjoni li nieqaf mill-futbol. Nemmen li baqagħli ftit snin oħra peró l-kowċing ilu parti minn ħajti tul dawn l-aħħar għaxar snin. Is-sodisfazzjon li jġibli jġiegħlni nemmen illi se nibqa’ involut sew fil-futbol malli jasal iż-żmien li nieqaf nilgħab.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jaghmel karriera ta’ suċċess fil futbol.
It-talent huwa importanti peró d-dedikazzjoni u l-umiltá biex dejjem issir aħjar huma ferm iktar importanti biex twassal għas-suċċess fil-futbol!