Thursday, June 26, 2025

‘It-talent waħdu mhux kollox … trid tagħmel sagrifiċċju u tittrenja dejjem bis-serjetá’ – Gianluca Sultana

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba għall-futbol naħseb li kienet hemm minn dejjem. M’hemmx mument li ngħid li bis-saħħa t’hekk sirt inħobb il-logħba. Kuljum wara l-iskola konna nilagħbu l-futbol fit-triq sa ma jidlam, kif ukoll familti huma dilettanti tal-futbol –  dejjem b’xi logħba għaddejja fuq it-televixin! 

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Vittoriosa Stars FC.

Vittoriosa Stars FC huwa klabb għal qalbi ħafna. L-ambjent huwa tal-ġenn … ftit issib bħalu. Ninsab kuntent li ħa nkompli l-avventura li bdejna s-sena l-oħra.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?

L-istaġun li għadda kellna ħafna tlugħu u nżul flimkien. Għaddejna mit-traġedja ta’ wieħed minn ħutna, Alejandro Brincat, li ħallietna tassew ixxokkjati. Dan filwaqt li għaddejna minn mumenti memorabbli meta lħaqna t-tragward tagħna u ksibna l-promozzjoni. Is-sigriet tat-tim kien l-għaqda kbira li kellna bejnietna – kien staġun li ma ninsiex żgur!

U fuq il-kowċ, Jason Camenzuli?

Il-kowċ Jason Camenzuli huwa bnieem dedikat … dejjem jara li aħna l-plejers nagħtu l-100% tagħna mill-bidu tal-ġimgħa. Barra minn hekk huwa bniedem ta’ rispett kbir ġewwa u barra l-grawnd.

X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Il-livell tal-futbol Malti fil-fehma tiegħi jekk qed nirreferu għall-kampjonati nemmen li għola l-livell fejn snin ilu peró xorta waħda hemm differenza kbira ħdejn il-livelli ta’ barra minn xtutna.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Il-pitch fejn nitħarrġu mhuwiex l-aqwa peró l-klabb ikkonfermalna li għal din is-ssena se jkun qed jinbidel il-wiċċ tal-pitch allura għandu jkun ta’ livell eċċezzjonali. Rigward fejn jintlagħab il-logħob, huwa importanti li kieku jibdew l-pitches jibdew jixxarrbu biex titjieb il-kwalitá.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Jien inħares lejn il-futur tiegħi billi nipprova dejjem inkun aħjar mis-sena ta’ qabel, dejjem bl-għan li nilħaq l-iktar livell diċenti fil-karriera tiegħi.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Messaġġ żgħir li nixtieq ngħaddi huwa li t-talent waħdu mhux kollox … trid tagħmel sagrifiċċju u tittrenja dejjem bis-serjetá. L-iktar ħaġa importanti hija l-istil ta’ ħajja (‘lifestyle’) li tgħix ukoll jekk vera trid tasal!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport