Il-Moviment Graffitti qed jitlob li tiġġarraf immedjatament il-binja li qiegħda tiddeskrivi bħala “taparsi razzett tan-nagħaġ”, fil-Wied tal-Ħżejjen fil-Bidnija. Spjegaw li l-binja msemmija tikkonsisti f’żewġ sulari, f’partijiet miftuħa fejn jistgħu jitlaqqgħu n-nies u pixxina fuq il-bejt.
Mindu ġiet approvata l-ewwel applikazzjoni tal-ippjanar fuq dan is-sit lura fl-2019, bosta organizzazzjonijiet ambjentali, mezzi tax-xandir u l-pubbliku, ġibdu attenzjoni għall-fatt li bdiet tinbena struttura massiva f’nofs żona kompletament rurali u barra miż-żona tal-iżvilupp.
Graffitti komplew biex jgħidu dwar l-applikazzjoni li feġġet riċentament biex din il-binja tinbidel f’waħda bil-kmamar li jistgħu jilqgħu n-nies, jiġifieri lukanda.
Il-Moviment Graffitti kkonferma li hu ressaq talba għall-infurzar quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar fejn talab li jiġġarraf dak li kellu jkun razzett tan-nagħaġ u li b’konformità mal-kundizzjonijiet tal-permess, l-iżviluppatur konċernat iġorr l-ispejjeż tax-xogħol biex is-sit jitreġġa’ lura għall-istat naturali tiegħu.
Barra minn hekk il-Moviment qiegħed isostni li dan huwa każ ta’ reat ambjentali tal-ogħla grad u li dawk kollha responsabbli mill-ħruġ tal-ewwel permess, minn żviluppaturi sa awtoritajiet u bordijiet għandhom jiġu investigati bil-għan li ssir ġustizzja għar-reati li wettqu.
Il-Moviment Graffitti temm jgħid li din hija sitwazzjoni serja u li jeħtieġ li ssir bidla radikali fis-sistema sħiħa tal-ippjanar tal-pajjiż għax jekk le se jkompli jintilef dak li fadal.