Saturday, March 22, 2025

It-Taqsima tal-Endoskopija fl-Isptar Mater Dei parteċipi fil-Kungress EndoMed25

Aqra wkoll

It-Taqsima tal-Endoskopija fl-Isptar Mater Dei ħadet sehem fil-Kungress EndoMed 25, kungress internazzjonali li jittella’ kull sena u huwa organizzat mill-espert internazzjonali Dr Alessandro Repici.

L-għan ta’ dan l-avveniment huwa li jgħaqqad ċentri ta’ eċċellenza madwar il-Mediterran, li jservu bħala mudelli ta’ kura moderna u innovattiva fuq livell globali. Il-kungress jattira udjenza ta’ eluf ta’ speċjalisti.

Waqt trasmissjoni diretta mis-sala tal-operazzjonijiet f’Mater Dei, Prof. Edward J. Despott wettaq intervent, magħruf bħala antegrade double-balloon enteroscopy, fuq pazjenta Maltija ta’ 73 sena. L-intervent twettaq taħt loppju ġenerali u sar b’suċċess. Prof. Despott huwa espert ta’ fama mondjali f’dawn it-tip ta’ proċeduri li jaħdem f’Londra. Mis-sena l-oħra, Prof. Despott, beda jservi bħala visiting consultant fl-Isptar Mater Dei.

Il-Ministru Jo Etienne Abela, li attenda għal dan l-intervent mediku, wera s-sodisfazzjon tiegħu għal dan l-iżvilupp li poġġa lil Malta fuq il-mappa internazzjonali tal-endoskopija.

“Il-Gvern Malti jibqa’ kommess li jiżviluppa din l-ispeċjalità importanti b’riżors uman speċjalizzat u tagħmir state-of-the-art, hekk kif reċentement ġie mwaqqaf id-Dipartiment tal-Gastroenteroloġija u l-Immunoloġija,” sostna l-Ministru Abela.

Min-naħa tiegħu, Prof. Despott qal, “Din hija garanzija importanti ħafna għall-Isptar Mater Dei u Malta, għax għall-ewwel darba saret din it-tip ta’ proċedura f’pajjiżna u ġiet trasmessa fl-EndoMed, kungress li jipparteċipaw fih mijiet ta’ eluf ta’ speċjalisti.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport