L-istokks globali tbaxxew ħafna u kjważi għerqu jum biss wara li l-President Amerikan Donald Trump ħabbar tariffi ġodda kbar li huma mbassra li se jgħollu l-prezzijiet u jaffettwaw t-tkabbir ekonomiku fl-Istati Uniti u f’pajjiżi oħra.
Is-swieq tal-ishma fir-reġjun tal-Ażja-Paċifiku waqgħu għat-tieni jum konsekuttiv. Kumpaniji kbar bħal Nike, Apple u Target kienu fost l-ismijiet il-kbar li ntlaqtu l-agħar, kollha kemm huma tbaxxew b’aktar minn 9%.
Fil-White House, Trump ipprova jikkonvinċi lill-ġurnalisti li l-ekonomija tal-Istati Uniti se “tisplodi” grazzi għat-tariffa minima ta’ 10% li qed jippjana li biha jagħti daqqa lill-importazzjonijiet globali bit-tama li jżid id-dħul federali u jġib il-manifattura Amerikana lura lejn il-pajjiż.
Il-President Repubblikan qed jippjana li bit-tariffi jolqot prodotti minn għexieren ta’ pajjiżi oħra b’imposti ferm ogħla, inklużi s-sħab kummerċjali bħaċ-Ċina u l-Unjoni Ewropea.
Iċ-Ċina, li qed tiffaċċja tariffa aggregata ta 54%, u l-UE li qed tiffaċċja dazji ta’ 20%, it-tnejn wegħdu ritaljazzjoni iebsa nhar il-Ħamis kontra l-Istati Uniti.
Il-President Franċiż Emmanuel Macron appella biex id-ditti Ewropej jissospendu l-investiment li kellhom ippjanat fl-Istati Uniti.
It-tariffi huma taxxa fuq oġġetti importati minn pajjiżi oħra u l-pjan ta’ Trump li ħabbar nhar l-Erbgħa jgħolli dawn id-dazji għal uħud mill-ogħla livelli f’aktar minn 100 sena.
L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) qalet li kienet “imħassba ħafna”, u stmat li l-volumi tal-kummerċ jistgħu jiċkienu b’1% din is-sena. In-negozjanti wkoll esprimew tħassib li t-tariffi jistgħu jqanqlu l-inflazzjoni u jwaqqfu t-tkabbir.
Il-bejgħ u x-xiri tal-ishma tal-Istati Uniti ilu għaddej minn nofs Frar fost il-biżgħat tal-gwerra kummerċjali. Aktar kmieni, l-indiċi tal-ishma FTSE 100 tar-Renju Unit niżel 1.5% u swieq Ewropej oħra waqgħu wkoll, b’eku ta’ tnaqqis mill-Ġppun għal Ħong Kong.
Waqt li jikkontradixxi lill-assistenti tal-White House li saħqu li t-tariffi l-ġodda ma kinux tattika ta ‘negozjar, Trump indika li jista’ jkun miftuħ għal ftehim ma ‘sħab kummerċjali.
Il-Prim Ministru tal-Kanada Mark Carney diġa qal li l-pajjiż se jirritalja b’imposta ta’ 25% fuq vetturi importati mill-Istati Uniti. Ix-xahar li għadda Trump impona tariffa ta ‘25% fuq il-Kanada u l-Messiku, għalkemm ma ħabbar l-ebda dazju ġdid nhar l-Erbgħa kontra l-imsieħba kummerċjali tal-Amerika ta’ Fuq.