Sunday, December 22, 2024

It-Tazza tad-Dinja tal-Clubs se tiġi estiża għal 32 team

Aqra wkoll

Il-FIFA ħabbret li l-ewwel Tazza tad-Dinja tal-Clubs bi 32 team mill-2025 se tintlagħab fl-Istati Uniti mill-15 ta’ Ġunju sat-13 ta’ Lulju.

Fit-tournament se jkun hemm clubs minn kull waħda mis-sitt konfederazzjonijiet, bl-Ewropa tidħol fi 12-il team.

Chelsea, Real Madrid u Manchester City ikkwalifikaw awtomatikament bħala l-aktar rebbieħa riċenti taċ-Champions League fiċ-ċiklu ta’ erba’ snin. Arsenal jiddaħħlu wkoll jekk jirbħu ċ-Champions League dan l-istaġun.

Bayern Munich, Paris St-Germain, Inter Milan, Porto u Benfica wkoll kisbu postijiet fit-tournament fl-2025 permezz tal-koeffiċjenza.

Il-President tal-FIFA, Gianni Infantino, ikkonferma l-aħbar waqt laqgħa f’Jeddah, l-Arabja Sawdija nhar il-Ħadd.

Il-format imġedded se jintlagħab fl-istess perjodu fejn qabel il-FIFA kellha t-Tazza tal-Konfederazzjonijiet għat-timijiet internazzjonali.

Il-korp governattiv dinji tal-football qal li d-dati tas-sajf ġew iffissati biex jiżguraw li l-iskedar ikun konformi mal-kalendarju internazzjonali tal-partiti, u biex jippermetti biżżejjed ħin ta’ mistrieħ qabel il-bidu tal-istaġuni domestiċi.

Il-European Clubs’ Association appoġġat it-tournament iżda Maheta Molango, kap tal-Professional Footballers’ Association, qal li l-persistenza tal-FIFA biex tkompli bl-espansjoni turi nuqqas ta’ tħassib għall-benesseri tal-players.

Il-FIFA ħabbret ukoll kompetizzjoni ġdida tat-Tazza Interkontinentali minn Diċembru 2024, li se tara lir-rebbieħa taċ-Cham­pions League jiffaċċjaw team li jiġi permezz ta’ play-offs interkontinentali.

It-Tazza tad-Dinja tal-Clubs bħalissa ssir kull sena, f’nofs l-istaġun, b’seba’ timijiet minn sitt konfederazzjonijiet.

Ekonomija

Sport