Saturday, December 21, 2024

It-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani se ssir kif ippjanat

Aqra wkoll

Il-president tal-Konfederazzjoni tal-Football Afrikana (CAF), Patrice Motsepe, tenna li t-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani mdew­ma se ssir kif ippjanat.

Motsepe kien qed jitkellem b’inqas minn tliet ġimgħat sakemm jibda t-tournament hekk kif żar l-Olembe Stadium ta’ Yaounde, li se jospita l-partita tal-ftuħ fid-9 ta’ Jannar.

Il-kummenti tiegħu waslu hekk kif qed tippersisti l-ispekulazzjoni li l-finali se jiġu ttardjati aktar jew saħansitra kkanċellati minħabba l-aħħar problemi bil-pandemija globali tal-Covid-19.

“Se nkun fil-Kamerun fis-7 ta’ Jannar ma’ marti u t-tfal biex naraw din il-kompetizzjoni nkredibbli,” insista Motsepe.

“Tistgħu taraw li hemm impenn kbir u ffukar biex niżguraw li jkun hemm progress tajjeb.

“Flimkien man-nies tal-Kamerun se norganizzaw tournament eċċezzjonali. Se tkun l-aktar Afcon ta’ suċċess. Aħna lesti li nuru lid-dinja l-aqwa tal-football Afrikan u l-ospitalità Afrikana.

“Dan it-tournament huwa importanti għan-nies tal-Afrika u jien tant kburi u eċċitat bix-xogħol li sar.”

Motsepe, ta’ 59 sena, deher sorpriż bl-għaj­dut kontinwu madwar il-finali ta’ 24 team.

“Irridu nemmnu fin-nies tagħna,” qal il-kap tal-CAF. “Irridu nieqfu lil dawk li m’għandhomx fiduċja u li dejjem qed jesprimu fehmiet negattivi tal-poplu tagħna.

“Mad-dinja kollha hemm kompetizzjonijiet bi sfidi, iżda rridu nkunu aktar ottimisti għax kultant inkunu kritiċi żżejjed tagħna nfusna.

“Jekk mhux se jkollna fiduċja f’dak li nagħmlu, min se jkollu fiduċja fina?

“Din hija l-ġenerazzjoni fejn l-Afrikani jridu jemmnu fl-Afrikani. Nistgħu nospitaw kompetizzjoni tal-football li hija tajba daqs kemm tista’ tara fl-Ewropa u fid-dinja.”

Il-Kamerun kien ippjanat li jospita t-Tazza tan-Nazzjonijiet 2019, iżda l-pajjiż tneħħa mid-drittijiet li jorganizzaha f’Novembru 2018 bil-CAF isemmi d-dewmien fil-preparazzjoni tal-pajjiż għat-tournament.

Anke l-ex player ta’ Barcelona, Inter u Sampdoria, Samuel Eto’o, li llum huwa l-president tal-Federazzjoni tal-Kamerun, qal li ma jarax għala t-tournament m’għandux isir meta l-Euro 2020 sar fi stadiums imballati waqt il-pandemija.

Ekonomija

Sport