Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
L-atletika huwa sport individwali, fejn jekk se tieħu l-affarijiet bis-serjetá m’għandekx bżonn lil ħaddieħor ikun fl-aħjar forma hu wkoll biex tieħu pjaċir. Huwa sport fejn mit-Tnejn sas-Sibt tagħmel it-taħriġ u jekk tkun trid il-Ħadd ħa tilgħab żgur mhux ser tpoġġi fuq il-Bank tar-Riservi tara lil sħabek jilagħbu. Kull ma trid tinkiteb għal xi tellieqa u tieħu sehem dejjem. Huwa sport fejn jekk għamilt l-iżbalji ma tellift lil ħadd. Batetjhom waħdek u titgħallem minnhom. Huwa sport li ma jorbtokx b’ħin fiss, fis-sitta niltaqgħu l-grawnd. Fl-atletika tista’ toħroġ u t-taħriġ tagħmlu x’ħin trid. Hemm atleti li jittrenjaw filgħodu u hemm min wara x-xogħol.
X’ suċċessi maġġuri rbaht fil karriera tieghek sa issa?
L-isport tal-atletika fit-tul huwa ddominat mill-ftit kemm Malta kif ukoll barra minn xtutna. Minn qabel it-tellieqa tkun taf li minkejja li jkun hemm xi 400 atleta ir-rebħa se tkun bejn l-istess tnejn-tliet atleti. U l-istess barra minn Malta. Il-Maratona ta’ Londra, ta’ Berlin jew ta’ New York jiġruhom mal-40,000 atleta. Favoriti li jirbħuha jkun hemm xi għaxra, mhux iktar. Il-bqija, id-39,990 atleta l-oħra, jiġru kollha biex jilħqu t-targets personali tagħhom. Min jipprova għal taħt it-tliet siegħat, min taħt l-erba’ siegħat, min diżappuntat għax ma laħaqx dak li ħadem għalih u min sodisfatt li rnexxielu jagħmilha anke jekk ikun daħal siegħa wara dak li jkun iddiżappuntat.
Imma hemm imbagħad il-kategorija tal-etá. Tazzi għall-over 35, over 40, over 45 u tibqa’ sejjer hekk. Minn dawk tirbaħ ħafna għax tkun qed tiġri ma’ atleti tal-etá tiegħek u f’Malta kull ma jkun hemm fil-kategorija tiegħek xi għaxra. Iktar ma tikber fl-etá iktar jonqsu l-atleti tal-kategorija tiegħek u ikbar iċ-ċans li tirbaħ it-Tazzi.
Onestament, iktar mit-Tazzi, li nibqa’ niftakar huma tlielaq partikolari. Il-Maratona ta’ Malta fl-2006 nibqa’ niftakarha għal mod kif qassamtha. Il-ħin kollu inzid il-pass tul it-triq sakemm spiċċajt fid-disa’ post. Xtaqtha ma spiċċatx it-tellieqa dak in-nhar. Bid-disa’ post m’irbaħt xejn imma s-sodisfazzjon li ħadt dak in-nhar huwa ikbar minn kull Tazza tal-kategoriji li rbaħt fi tlielaq oħra.
Ta’ kemm bdejt tipprattikka l-atletika?
Bdejt xi 25 sena ilu hekk kif waqaft mill-ġurnalizmu, jiġifieri kelli xi 35 sena. Filli mpenjat bix-xogħol u m’ għandi ċans għal xejn u filli sibt ħafna ħin fuq idejja. Ridt nivvinta xi ħaġa x’nagħmel u waħdi iddeċidejt li nibda l-ġiri fit-tul.
Mort xtrajt żarbun tal-ġiri, bla coach, bla pariri, xejn. Ħriġt mid-dar, noqgħod ftit il-bogħod mit-tela’ tal-Wardija, waqaft quddiemha u dak il-ħin għamiltha f’moħħi li nitlagħha. Fiha kilometru u nofs u jien u tiela’ kont waqaft xi sitt darbiet u mort lura d-dar ċert li tela’ bħal dik ħadd ma kien se jagħmilha mingħajr ma jieqaf jimxi f’nofs it-telgħa. Li mhux il-każ. Ovvja kont għadni bidu u ma kontx naf xejn fuq il-ġiri. U lanqas ħadt parir ta’ ħadd kif għandi nagħmel biex minn xejn nibda niġri fit-tul. Kont għamilt xi ġimgħa ma nimxix sewwa bil-qtugħ ta’ laħam wara dik l-ewwel darba.
Mill-iżbalji titgħallem. Wara bdejt nitħarreġ ma’ kowċ, bdejt bilmod u bdejt intejjeb il-ħinjiiet u wara xi żmien il-hills bdejt niġrihom ukoll, anzi saru parti mit-taħriġ ta’ kull ġimgħa għax kemm il-darba mort nagħmel tlielaq barra fuq muntanja.
L-ewwel ma bdejt kont għamilt il-Cortina Skyrace, Nofs Maratona f’Cortina d’Ampezzo, tlajna 11-il kilometru muntanja u ninżlu lura 10km, parti mit-taħriġ f’Malta kien ikun din l-istess tela’ tal-Wardija jew it-tela’ ta’ Lapsi. Konna nitilgħuha u ninżluha 12-il darba tal-Wardija u ta’ Lapsi xi sitt darbiet għax itwal. U ma konniex nieqfu darba. Konna nkunu jien u Trevor Farrugia li wkoll kien għamilha din it-tellieqa. Sifirna kemm-il darba flimkien għat-tlielaq.
Wara kont għamilt Maratona fuq Allgau Mountain il-Ġermanja u maratona oħra Uppsala l-iSvezja. Ta’ Uppsala kien fiha xi tlajja imma ma kienux iebsin. Iktar għax hemmhekk l-art m kienitx tajba. Trid toqgħod il-ħin kollu attent fejn se titfa’ il-pass għax faċli taqa’. U kienet tellieqa partikolari bl-avviżi Beware of Bears ukoll matul il-korsa.
Dawn ikunu tlielaq differenti mit-tlielaq tat-triq. It-tela’ teħodlok saħħtek imma n-niżla perikoluża u faċli taqa’ u tweġġa’. It-triq ma tkunx lixxa għax muntanja hi. Imbagħad f’Cortina d’Ampezzo dak in-nhar għamlet ftit xita u n-niżla kienet ġiet tiżloq.
Liema kien l-aħjar ħin tiegħek sa issa?
Fil-ġiri fit-tul hemm benchmarks għal kull distanza li amateur athlete jkun jixtieq jilħaq. Il-5km taħt l- 20 minuta, l-10km taħt l-40 minuta, in-nofs maratona taħt is-siegħa u nofs u l-maratona taħt it-tliet siegħat.
Nista’ ngħid li kollha lħaqthom mingħajr problema ħlief il-Maratona li ħabbtitni mhux ħażin qabel wasalt biex kissirt il-barriera tat-tliet siegħat. Ifhem l-atleti tajbin jiġru l-Maratona taħt it-tliet siegħat dejjem. Il-Maratona ta’ Malta tintrebaħ f’sagħtejn u nofs u anke inqas u fid-dinja Kipchoge kien irnexxielu jinżel taħt is-sagħtejn. B’għoxrin sekonda imma għamilha.
Jien kont noħlom li xi darba nasal fil-finish taħt it-tliet siegħat. Kelli tliet sigħat u ħames minuti darbtejn, tliet siegħat u erba’ minuti darba, tliet siegħat u tliet minuti darba u tliet siegħat u żewġ minuti darbtjen oħra. Stħajjiltni bħall-istorja tar-Re tal-Iskozja li pprova seba’ darbiet qabel ħareġ rebbieħ.
Fil-Maratona ta’ Malta tal-2006 irnexxieli – sagħtejn, 59 minuta u 14-il sekonda għadni niftakar il-ħin bl-amment. Is-sena ta’ wara, meta mingħalija li kont sirt tajjeb biex niġri l-Maratoni taħt it-tliet siegħat, kont għamilt l-agħar ħin tiegħi ta’ dak iż-żmien għax dħalt wara tliet siegħat u kwart. Il-Maratona mhix tellieqa bħall-oħrajn. Trid taħdem bil-għaqal. Tħossok b’saħħtek u xorta ma tistax tħalli l-entużjażmu jiġri bik għax tpattih fl-aħħar u titlef kollox – kemm il-pjaċir u fuq kollox il-ħin.
Għandek xi ħolma li tixtieq tikseb fl-atletika?
Kont ngħidha biċ-ċajt imma biż-żmien qed nemmen li rrid nagħmilha. Ħafna li ma jsegwux l-atletika ġieli jistaqsuni kif jista’ ikun li tikber fl-eta’ u tibqa’ tiġri l-Maratona. Fi kliem ieħor ikunu jridu jgħidu ‘Imma jekk int xiħ kif se tasal sal-finish?’
Fil-fatt tista’ u ma tkun qed tagħmel xejn ta’ barra minn hawn. Kull ma trid il-ħin għat-taħriġ. Jien dejjem inwieġeb li l-Maratona għad ikolli 80 sena u nkun għadni nagħmilha. Kont ngħidha bic-cajt qabel imma issa aktar ma għaddew snin minn fuqi iktar qed nemmen f’dak li kont ngħid biċ-ċajt.
U ma nkun qed nagħmel xejn straordinarju. Hawn Malta Charles Darmanin qabeż is-sittin u għadu jiġri l-Maratona u hemm Joe Camilleri jgħix il-Kanada dak għadu jagħmel il-Maratona u u fuq 70 sena għandu. Ir-rekord tad-Dinja huwa ta’ Ġappuniż li kien ġera l-Maratona fl-eta’ ta’ 101 sena u l-Kanadiz Ed Whitlock ta’ 85 sena ġera l-Maratona taħt l-erba’ siegħat. Jiġifieri ma nkun qed nagħmel xejn speċjali.
U rrid ngħid li l-esperjenza tgħin. Illum immur għall-maratona b’kunfidenza. Meta ngħid b’kunfidenza ma jfissirx nuqqas ta’ rispett lejn id-distanza. Il-maratona trid tagħtiha l-attenzjoni li suppost, it-taħriġ kollu li suppost u trid tuża moħħok waqt it-tellieqa nnifisha. Imma nkun kunfidenti li ser nagħmilha. Għax kif għidtlek l-esperjenza tgħinek u tkun konxju li għaddejt minn ħafna u wasalt xorta. Maratona f’tempesta ta’ riħ, xita u silġ fi Stockholm għamiltha. Konna erba’ minn Malta dakinhar. Maratona bid-deni għamiltha, Maratona bil-hamstring sitt xhur tugħani mort u għamiltha u Maratona b’riħ fuqi għamiltha ħafna drabi għax kif taf f’Malta il-Maratona tiġi fi Frar, l-agħar xahar għall-irjiħat.
Nippreċiża għamiltha mhux irbaħta. Li tagħmilha faċli. Li tirbaħha storja oħra.
X’kompetizzjonijiet prinċipali se tieħu sehem fihom fil-futur qrib?
Fil-bidu ta’ Marzu għadni kemm lestejt il-Maratona ta’ Bologna. Ħadt gimgħa mistrieħ għax bqajt Bologna u malli ġejt lura erġajt ħriġt għall-ġiri għax fil-bidu ta’ Mejju se nagħmel il-Maratona ta’ Riga fil-Latvja.
Barra minn hekk flimkien ma’ tliet iħbieb tiegħi li nittrenjaw flimkien Trevor Farrugia, Jonathan Attard u Kenneth Dingli f’Lulju se nagħmlu it-Tour de Mont Blanc fuq disat ijiem. Irridu nagħmlu bejn 18 u 21 km kuljum fuq il-muntanji. Qegħdin nagħmlu t-tul f’Malta speċjalment il-Ħdud niltaqgħu fis-6.00 ta’ fil-għodu u naqbżu l-erba’ siegħat. Fost il-ġimgħa niltaqgħu u nagħmlu xi sagħtejn. Rotta nagħżluha kemm jista’ ikun fl-imħarbat għax muntanji se jkollna hemmhekk.
X’ħin niġi lura mit-Tour de Mont Blanc għandi nagħmel żewġ maratoni. Waħda fit-13 ta’ Settembru imma għadni m’applikajtx għax għadni mhux deċiż jekk hux tal-Irlanda jew il-Ġermanja għax it-tnejn fl-istess ġurnata. L-oħra fl-aħħar ġimgħa ta’ Ottubru f’Lisbona.
Tal-Portugall kont diġa mort xi seba’ snin ilu u peress li kont għadni kemm għamilt Maratona tliet ġimgħat qabel kont għamilt il-Half Marathon f’Lisbona. Nista’ ngħidlek li hemmhekk tmur għan-Nofs Maratona ma jagħtux kazek. Jistmawk qisek dħaltilhom għal Fun Run. Għalihom il-Full Marathon biss tezisti. Jekk tagħmel il-half lanqas biss jipprovdulek fejn tħalli l-ħwejjeġ meta hemmhekk bħal Malta l-istart u l-finish huma ‘l bogħod minn xulxin. Jiġifieri trid toħroġ mill-hotel liebes l-istess ħwejjeġ ta’ fuq l-istart u fil-finish lanqas ġakketta jew ħwejjeġ xi tbiddel. Dak in-nhar skond il-previżjoni tat-temp suppost kellha tagħmel ix-xita nofs siegħa qabel l-istart. Anzi dik ħafirilna għax m’għamlitx. Tixriba qabel nitilqu kien jonqos.
Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qegħdin jaħsbuha bis-serjetà li jibdew jipprattikaw l-atletika.
Sfortunatament ħafna jibdew il-futbol u għax ma jagħmlux il-grad jieqfu u ma jagħmlu l-ebda sport ieħor, daqs li kieku futbol biss kien jeżisti. Min jaf kemm hawn żagħżagħ li jkollhom talent għal sport differenti u jinħela b’dan il-mod, għax qatt ma jiskopruh.
Il-messaġġ tiegħi lil kulħadd, mhux liż-żagħżagħ biss, għax irrid ngħid li meta nkun qed niġri t-track ġieli nara ġenituri jistennew lit-tfal ilestu mill-isport u jgħaddu siegħa jitkellmu minflok jagħmlu siegħa mixja jew jogging. Għalhekk il-messaġġ lil kulħadd biex jipprattikaw l-isport, ikun liema jkun, u l-ewwel u qabel kollox jagħżlu sport li jagħtihom pjacir.
It-Tazzi u l-unuri huma sekondarji ħdejn is-sodisfazzjon li tħoss li tikber fl-etá u tibqa’ bl-istess entużjażmu u enerġija ta’ meta kont għadek żgħir.