Sunday, November 24, 2024

“It-tbassir tal-KE dwar Malta jawgura tajjeb għall-isfidi li qed tikkawża l-invażjoni fl-Ukrajna”

It-tbassir ekonomiku dwar Malta milqugħ tajjeb mill-ekonomisti

Aqra wkoll

Minkejja li għal sentejn sħaħ, bħal bdija tad-dinja, Malta ffaċċat pandemija bla preċedent, l-ekonomija nazzjonali ma waqfitx tikber tant li għas-sena d-dieħla qed ikun imbassar li t-tkabbir ekonomiku se jaqbeż l-4%. Dan ukoll jekk tiġi kkunsidrata l-gwerra fl-Ukrajna li qed tħalli konsegwenzi u effetti gravi fuq diversi ekonomiji Ewropej anki fuq pajjiżna.

Madankollu, jidher li minkejja dawn l-ostakli kollha, Malta se tibqa jkollha tkabbir ekonomiku konsekuttiv u għal din is-sena se jkun fost l-ogħla rata ta’ tkabbir ekonomiku wkoll.

It-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-andament ekonomiku li għaddej minnu b’ritmu b’saħħtu pajjiżna ġie milqugħ bl-iktar mod pożittiv minn ekonomisti u analisti ewlenin.

Il-Professur Philip von Brockdorff, Viċi-Dekan tal-Fakulta tal-Ekonomija, Accountancy u Management fl-Universita ta’ Malta jsostni li t-tbassir dwar l-andament ekonomiku Malti jikkonferma wkoll ir-rapport ta’ l-agenzija ta’ kreditu Fitch li ta lil Malta A+. Dan juri li l-ekonomija Maltija hija stabbli u jawgura tajjeb fiċ-ċirkustanzi li ninsabu fihom illum.

Huwa jfakkar li meta għandna sitwazzjoni li ħerġin minn pamdemija bl-effetti kollha tagħha għad hemm inċertezzi minħabba s-sitwazzjoni fl-Ukrajna li qed tikkawża pressjoni fuq il-prezzijiet u li iktar ma ddum iktar se jkollna żieda fil-prezzijiet.

Il-Professur von Brockdorff ifisser li t-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea mhix xi ħaġa riċenti imma ilhom jindikaw li Malta qed ikollha tkabbir ekonomiku fost l-ogħla jekk mhux l-ogħla fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Dan jindika wkoll li l-ekonomija Maltija għandha l-vantaġġ li għax pajjiż żgħir, għandu dik il-flessibilità li jirrispondi għal kwalunkwe kriżi iktar minn pajjiżi oħra bħall-Italja.

Dwar id-defiċit, il-Professur von Brockdorff jgħid li fil-każ ta’ pajjiżna, il-fatt li d-dejn nazzjonali mhux daqshekk għoli ifisser ukoll li s-sitwazzjoni tagħna bħala baġit mhux qed ixxekkel it-tkabbir ekonomiku. Xorta waħda iżda tibqa’ l-importanza li pajjiżna jikkonsolida l-finanzi pubbliċi biex ma jkun hemm ebda xkiel għat-tkabbir ekonomiku.

Sport