Saturday, October 26, 2024

“It-tbissima fuq fomm dawk it-tfal foqra tibqa’ tiftakarha”

Robert Farrugia – Direttur fi ħdan MISSIO Malta

Aqra wkoll

Robert Farrugia hu d-direttur fi ħdan MISSIO Malta li qabel kienet magħrufa bħala s-Soċjeta Missjunarja Pontifiċa.

Kif wieħed jinnota, din l-għaqda tagħmel xogħol nobbli mhux biss f’Malta iżda anke f’pajjiżi oħra madwar id-dinja. Biss biss wieħed jista’ jgħid li hawn madwar 120 uffiċju madwar il-globu li l-għan tagħhom huma li jgħinu lin-nies fil-bżonn partikolarment persuni li jgħixu f’ambjenti ta’ faqar estrem. Objettiv ieħor hu dak li jinġabru fondi u anke flus sabiex ikun hemm għajnuna finanzjarja f’pajjiżi fejn diversi nies jgħixu f’ambjenti ta’ sfida kbira fosthom fl-Amerika t’Isfel u fl-Afrika. 

F’Malta hawn diversi organizzazzjonijiet li jgħinu lin-nies fil-bżonn u li saħansitra għandhom fi ħdanhom numru ta’ missjunarji li jmorru f’dawn il-pajjiżi sabiex jagħtu l-għajnuna tagħhom.

Farrugia jitkellem ma’ dan is-sit dwar is-settur volontarju f’pajjiżna li minkejja li mhux dejjem jidher iżda li għadu ferm b’saħħtu speċjalment ir-rieda li jgħinu lil min hu fil-bżonn. Hu jispjega li għan ieħor tal-MISSIO hu dak li jibagħtu persuni li bil-volonta’ kollha tagħhom jmorru fl-artijiet imbiegħda u jkunu ta’ servizz għan-nies fil-bżonn.

Robert Farrugia jgħid li l-interess fost iż-żgħażagħ u anke nies ta’ kull eta’ hu wieħed tajjeb fejn permezz tal-midja soċjali, in-nies jikkomunikaw bejniethom u jidentifikaw postijiet fejn jistgħu jmorru u jagħtu daqqa t’id kif jistgħu lill-persuni li jgħixu f’ambjenti ta’ faqar. 

“Nista’ ngħidlek li għandna żgħażagħ li jagħmlu xahar sħiħ ma’ dawn in-nies u jmissu b’idejhom il-faqar, l-għaks, il-kundizzjonijiet diffiċli u xi kultant in-nuqqas ta’ opportunitajiet li għandhom.”

“Dan l-aħħar kellna numru ta’ żgħażagħ li marru t-Tanzanija sabiex jagħmlu esperjenza hemmhekk. Kulħadd jgħidlek li l-iktar mument sabiħ li jesperjenzaw hi mhux biss il-grazzi li dawn in-nies jgħidulek iżda d-daħka fuq fommhom partikolarment mit-tfal li jbatu wisq.”

Farrugia jgħid li hemm ukoll numru ta’ adulti li mhux daqstant żgħażagħ li wkoll jitħajru jibdew esperjenza hemmhekk għax iħossu l-bżonn li jgħinu lil dawn in-nies u jaraw li jagħmlu l-parti tagħhom żgħira kemm hi żgħira. Dawn l-adulti jvarjaw minn qassisin, sorijiet u partijiet li normalment jagħżlu din il-ħajja u jmorru hemm għal żmien twil sabiex jaqdu l-bżonnijiet ta’ nies foqra għal oħrajn lajċi li jqattgħu ftit ġimgħat u jwettqu att nobbli filwaqt li jaraw dik it-tbissima fuq fommhom. 

Id-direttur fi ħdan MISSIO Malta jispjega li l-individwi li jagħżlu li jagħmlu avventura ta’ volontarjat u missjoni barra l-pajjiż jgħaddu minn proċess ta’ informazzjoni u tagħrif sabiex ikunu jafu għal xiex deħlin.

Farrugia jgħid li l-missjunarji li jmorru hemm ma jkunux qed jagħmlu x-xogħol tan-nies iżda sempliċement jagħtu daqqa t’id kull fejn ikun hemm bżonn. Huma litteralment jgħinu lilhom u jtaffulhom ftit mill-isfidi li toffri ħajja bħal din. 

Kif nafu, Ottubru hu magħruf għaċ-ċelebrazzjoni tal-ġimgħa missjunarja fejn diversi persuni huma msejħa jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom sabiex jgħinu lin-nies li huma fil-bżonn. Bosta Maltin, skont Farrugia, huma ġenerużi u jdaħħlu idejhom fil-but sabiex jgħinu lil din l-organizzazzjoni li nistgħu nsejħulha mondjali.

Iżda x’isir minn dawk il-flus li jinġabru u kif jiġu investiti? 

“Normalment il-Maltin magħrufa ħafna li aħna nies ġenerużi għax dejjem jagħtu minn dak li għandhom basta jaraw lil ħaddieħor ferħan. Nista’ ngħidlek li bil-flus li jinġabru nagħmlu ħafna affarijiet tajbin filwaqt li ngħinu b’mod finanzjarju permezz ta’ sponsors lil tfal li ma jaffordjawx li jmorru l-iskola minħabba li l-edukazzjoni f’dawn il-pajjiżi tiswa l-flus.”

“L-għan tagħna hu wkoll li naraw li aktar tfal li jsiru adulti jkunu edukati biżżejjed sabiex ‘il quddiem isibu xogħol u forsi jkunu jistgħu jsostnu lilhom infushom u lill-familji tagħhom. Barra minn hekk nixtru wkoll ambulanzi li tant huma importanti għax tajjeb li wieħed jgħid li l-mard hawnhekk hi xi ħaġa normali speċjalment meta xi individwi jgħixu f’faqar u nuqqas ta’ iġjene. Aħna kuntenti li nagħmlu dan kollu lil dawn in-nies sabiex naraw li l-ħajja tagħhom tkun aħjar milli hi.”

Finalment Robert Farrugia tkellem dwar proġett li bħalissa għaddejja bih l-MFA imsejjaħ Sock October jew kif hawn min sejjaħlu SockBall. Fiex jikkonsisti dan il-proġett?

“Hu proġett ferm sabiħ u reali fil-veru sens tal-kelma. Kif nafu l-futbol hu sport ferm popolari madwar id-dinja kollha. Dawn in-nies li jgħixu fl-Afrika u fl-Amerika t’Isfel m’għandhomx iċ-ċans li jilagħbu din il-logħba tant sabiħa.”

“Inizjattiva li ħadna ħsieb inwettqu hi dik li tfal ta’ akkademji ta’ timijiet ikollhom iċ-ċans jesperjenzaw kif jgħixu l-isport dawn it-tfal li ġejjin minn pajjiżi foqra. Ħadna għalhekk l-inizjattiva li nuruhom kif jagħmlu ballun tal-futbol magħmul minn kalzetti. Hemm xi eks-plejers li qed jgħinuna f’din l-inizjattiva sabiex jgħallmu lit-tfal ċerti ħiliet u fuq kollox jesperjenzaw kif verament tfal oħra daqshom jilagħbu dan l-isport.”

“Fuq kollox dawn l-istess tfal li ġejjin minn realtajiet differenti ħafna drabi jilagħbu l-futbol ħafjin u għalhekk żgur li m’għandhomx kundizzjonijiet tajba. Madankollu meta jiġi l-logħob tal-futbol jinsew kollox, jagħmlu ballun mill-kalzetti li jkollhom u jgħaddu l-ħin tagħhom hekk.”

Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jżur il-profil fuq Facebook ta’ Missio Malta.

Sport