It-team nazzjonali Malti tela’ ħames postijiet fir-rankings uffiċjali tal-FIFA, u b’hekk sar fost l-aktar timijiet li telgħu pożizzjonijiet fl-aħħar aġġornament.
L-aġġornament tal-klassifika, ġie wara perjodu notevoli għal Malta. Malta, li issa tinsab fil-161 post, irreġistrat rebħa importanti ta’ 1-0 barra minn xtutna kontra l-Finlandja, f’Helsinki, qabel ma affrontat lill-Polonja fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, fejn megħluba bi skor ristrett ta’ 3-2.
Malta mhijiex l-unika nazzjon li telgħet ħames postijiet fil-klassifika, bl-Uzbekistan (issa fil-50 post), il-Filippini (issa fil-136 post) u t-Turkmenistan (issa fil-137 post) ukoll jilħqu din il-kisba impressjonanti.
Filwaqt li Malta baqgħet il-ħames mill-aħħar fost in-nazzjonijiet Ewropej kollha, naqqset id-distakk b’mod sinifikanti minn dawk direttament ’il fuq, jiġifieri l-Moldova (issa fil-158 post), il-Litwanja (fil-146 post) u l-Latvja (fil-140 post). Min-naħa tagħha, Malta estendiet ukoll id-differenza bejniethom u Andorra (il-172 post), Ġibiltà (il-202 post), Liechtenstein (issa l-205 post) u San Marino (il-210 post).
Il-logħbiet kontra l-Finlandja u l-Polonja mmarkaw it-tmiem tal-kampanja ta’ kwalifikazzjoni Ewropea ta’ Malta għat-Tazza tad-Dinja 2026, bit-team immexxi mill-coach, Emilio De Leo, issa qed idawwar l-attenzjoni tiegħu lejn il-play-offs kruċjali tal-UEFA Nations League kontra l-Lussemburgu, f’Marzu 2026.
*Intant, Spanja baqgħu jżommu l-ewwel post quddiem iċ-champions tad-dinja, l-Arġentina, filwaqt li l-Brażil telgħu żewġ positijiet biex issa jinsabu fil-ħames post.
Interessanti l-fatt ukoll li l-Ġermanja avvanzaw post biex issa jinsabu d-disa’.
L-ewwel 10 pożizzjonijiet huma: 1. Spanja; 2. Arġentina; 3. Franza; 4. Ingilterra; 5. Brażil; 6. Portugall; 7. Olanda; 8. Belġju; 9. Ġermanja; 10. Kroazja.
*Fir-rankings tan-Nisa, Spanja qabżu fl- ewwel post minflok l-Istati Uniti li niżlu fit-tieni pożizzjoni. Dawn huma segwiti mill-Isvezja, l-Ingilterra, il-Ġermanja, Franza, il-Brażil, il-Ġappun, il-Kanada u l-Korea t’Isfel.
Malta niżlet fit-88 post, taħt El Salvador u fuq in-Nepal.

