It-team nazzjonali Malti tal-Futsal it-Tnejn filgħodu vvjaġġa lejn in-Norveġja għall-impenji ta’ Grupp B fil-Kompetizzjoni Ewropea ta’ Kwalifikazzjoni tal-UEFA għat-Tazza tad-Dinja tal-Futsal tal-FIFA 2024.
Minbarra li jinkludi lit-team ospitu – in-Norveġja, dan il-grupp ta’ Kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja fi Trondheim jinkludi wkoll lil Ċipru u d-Danimarka li huma l-ewwel avversarji għal Malta nhar l-Erbgħa, liema partita tibda fit-3pm.
Il-preparazzjoni qabel din il-kompetizzjoni qawwija ma kinitx bla xkiel għall-coach Zeljko Anicic u l-istaff tiegħu, b’lista twila ta’ players ewlenin b’esperjenza f’dan il-livell internazzjonali kollha neqsin minħabba l-Covid-19, mard ieħor jew injuries relatati mal-isport.
Fil-fatt Marwan Telissi, Karl Azzopardi, Jovica Milijic, Andre Ciancio, Michael Borg, Jean Noel Azzopardi u Andy Mangion li huma kollha meqjusa bħala players fundamentali fil-pjanijiet tal-coach Anicic għal dan it-tournament, kollha tilfu l-vjaġġ minħabba raġunijiet. diġà deskritti fil-qosor.
Il-Coach tat-Team Nazzjonali Malti tal-Futsal Anicic qal li, “Dejjem niffaċċjaw avversarji diffiċli, l-għan tagħna fin-Norveġja mhux li nikkwalifikaw imma li nieħdu kull sitwazzjoni b’sitwazzjoni. Jekk insolvu xi problemi favur tagħna, jien ninsab tabilħaqq pożittiv li nistgħu nassiguraw xi wirjiet u riżultati pożittivi”.
Intant, il-Kap tad-Dipartiment tal-Futsal fi ħdan il-Malta FA Mark Marlow qed imexxi l-kontinġent fin-Norveġja flimkien mal-viċi-president tal-Malta FA Dr Matthew Paris u l-president tal-Futsal Malta Association – il-Perit Mark Borg, li kollha qed jissorveljaw il-proċeduri u jirrappreżentaw lill-Assoċjazzjoni f’dan it-tournament importanti.
Marlow enfasizza t-tħejjijiet li għadda minnu dan il-grupp ta’ players fl-aħħar xhur biex ikun ippreparat tajjeb għal din il-kompetizzjoni.
“Ilna naħdmu ħafna għal dawn l-aħħar sentejn biex inkunu ppreparati tajjeb għal dan it-tournament ta’ Kwalifikazzjoni. Il-pandemija kienet ostaklu kbir fil-kompitu tagħna, madankollu bl-istadji multipli ta’ taħriġ li saru f’dawn l-aħħar xhur nemmen li fiżikament ninsabu f’sitwazzjoni aħjar rigward forma biex inkunu nistgħu nġibu riżultat pożittiv u nippruvaw nura l-istess prestazzjonijiet li urejna fl-aħħar kompetizzjoni ta’ kwalifikazzjoni li saret f’Malta f’Jannar 2020 li rriżultat ukoll fi tragward għall-players tagħna u l-ewwel punt li qatt kisbu f’partita ta’ kwalifikazzjoni wara d-draw ta’ 1-1 kontra l-Greċja”, temm jgħid Marlow.
Lura għall-iskwadra attwali, b’kollox 15-il player għamlu l-vjaġġ fin-Norveġja. Luxol Futsal huwa l-aktar team rappreżentat b’total ta’ sitt players magħżula. Notevoli wkoll is-sejħa tal-ex player ta’ Luxol Giancarlo Sammut li bħalissa qed jikseb aktar esperjenza internazzjonali, fejn qed jilgħab lil hinn minn xtutna ma’ Kingersheim Futsal fi Franza u din wara esperjenza preċedenti wkoll barra minn Malta għalih ma’ Team Lebork fil-Kampjonat Pollakk.
L-iskwadra ta’ 15-il player magħżula minn Zeljko Anicic għal dan il-vjaġġ fin-Norveġja hija din:-
Goalkeepers – Clint Mifsud (Luxol St. Andrews Futsal), Stefan Vella (Luxol St. Andrews Futsal), Dylan Cacciattolo (Università ta’ Malta).
Players – Karl Sciortino (Valletta Futsal), Dale Valletta (University of Malta), Dylan Musu (Luxol St. Andrews Futsal), Matthew Attard (Luxol St. Andrews Futsal), Giancarlo Sammut (Kingersheim Futsal), George Frendo (Ta’ Xbiex Futsal), Melvin Borg (Luxol St. Andrews Futsal), Mark Zammit (Luxol St. Andrews Futsal), Ryan Muscat (Siġġiewi Futsal), Luke Gatt (Valletta Futsal), Cleaven Portelli (University of Malta Futsal), Armando Gjepali (Mellieħa SC Futsal).